Fil-Qorti, kompliet il-kumpilazzjoni fil-każ tal-qtil ta’ Lassana Cisse li miegħu qed ikunu akkużati wkoll Francesco Fenech ta’ 21 sena u Lorin Scicluna ta’ 22 sena.
Fenech u Scicluna, li t-tnejn huma suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta, qed jiġu akkużati wkoll bl-attentat ta’ qtil ta’ persuni oħra f’Ħal Far fi Frar u f’April, f’każijiet separati. L-irġiel ġew akkużati wkoll bl-attentat ta’ qtil ta’ raġel ieħor miċ-Chad fi Frar.
Hu maħsub li Fenech spara lill-vittma ta’ 42 sena,filwaqt li Scicluna saq il-vettura.
L-Ispettur Keith Arnaud ppreżenta għadd ta’ ritratti u filmati tas-CCTV qabel beda jixhed May Milimi, żagħżugħ ta’ 19-il sena li allegatament kien imtajjar bil-karozza mill-akkużati.
Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, Milimi saħaq li kien miexi fuq in-naħa tax-xellug tat-triq meta ġie milqut.
Bl-assistenza ta’ interpretu, Malimi qal li ġie Malta fis-27 ta’ Ġunju 2018 u kien jgħix f’Ħal Far. Fil-lejl meta seħħ il-każ, hu kien sejjer lura d-dar minn B’Bugia meta, għall-ħabta tad-9pm, intlaqat minn karozza li ma kienx ra għaliex ġiet minn warajh u qatta’ madwar siegħa mal-art b’ħafna ksur u ma setax jimxi.
Hu rnexxielu jimxi distanza qasira, fejn iltaqa ma’ żewġ persuni li ħaduh lura Ħal Far u ċemplu Ambulanza. Kawża tal-feriti, hu kien qatta’ diversi jiem l-Isptar, fejn anke kien operat u għadu jħoss uġigħ sal-lum.
Ħaddiema mal-Aġenzija għall-Ġid ta’ Persuni li jfittxu l-Ażil (AWAS), ibbażata f’Ħal Far, ikkonfermat li dak il-lejl rat lil Malimi flimkien mż-żewġ irġiel jistenna l-Ambulanza b’ferita kbira f’rasu.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li esperti tal-ballistika mill-Olanda se jkunu qed jeżaminaw l-arma, il-projettiv u l-iskartoċċ involuti fil-qtil ta’ Lassana Cisse.
L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri, Julian Farrugia u Kris Busietta qed jidhru għal Scicluna. Stephen Tonna Lowell u Gianella De Marco qed jidhru għal Fenech. L-avukati Arthur Azzopardi u Alfred Abela huma partecivile.
Fuq ordni tal-President ta’ Malta, George Vella, iż-żewġ suldati kienu ġew sospiżi mill-Forzi Armati, filwaqt li għaddejja nkjesta interna.
Il-kawża tkompli fit-18 ta’ Settembru, meta l-Qorti tiddeċiedi dwar jekk għandhiex tagħti l-ħelsien mill-arrest.
//= $special ?>