Lokali

AĠĠORNATA: Fil-periklu tal-mewt wara li ttajjar minn karozza

Raġel ta’ 22 sena mill-Guinea ttieħed b’urġenza l-Isptar Mater Dei wara li kmieni dalgħodu ttajjar minn karozza tal-għamla Hyundai.

Kelliema għal Pulizija qalu ma’ dan l-istazzjon li l-vittma jinsab fil-periklu tal-mewt.

Il-barrani ttajjar fi Triq Diċembru 13 fil-Marsa, f’punt tat-triq fejn ma hemmx zebra crossing, għalkemm hija żona magħrufa ferm għal kemm jaqsmu persuni f’kull ħin tal-ġurnata.

Il-vettura tal-kiri Hyundai, misjuqa minn raġel ta’ 33 sena residenti n-Naxxar, spiċċat bil-ħġieġa ta’ quddiem imkissra u parti ta’ quddiem tal-karozza. Fit-triq kien hemm imxerrda affarijiet personali tar-raġel, illi kienu f’basket.

Persuni li kienu fuq il-post meta seħħ l-inċident u li tkelmu ma’ dan l-istazzjon qalu li l-vittma spiċċa mimli demm u jokrob bl-uġigħ.

Kaġun tal-inċident waħda mill-karreġjati kellha tingħalaq għal xi ħin bil-konsegwenza li fil-post inġema’ ammont kbir ta’ traffiku. Iktar tard il-karozzi bdew għaddejjin minn toroq alternattivi.

Il-Pulizija qed tinvestiga. Il-Maġistrat tal-Għassa, Dr Natasha Galea Sciberras fetħet inkjesta dwar dan il-każ filwaqt li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.