Futbol Sport

Bologna jirbħu lejn it-tmiem fir-ritorn ta’ Mihajlovic fi Stadio Renato Dall’Ara

(Ritratt: EPA)

Bologna telgħu momentarjament fil-quċċata tas-Serie A wara li fi Stadio Renato Dall’Ara għelbu lil Spal 1-0. Spikka bla dubju l-kowċ tagħhom Sinisa Mihajlovic, f’dik li kienet l-ewwel dehra tiegħu fl-istadium ta’ Bologna wara li tħabbar li kien qed jiġġieled il-marda tal-lewkimja.

Bologna kien jimmeritahom it-tliet punti minħabba li kellhom diversi okkażjonijiet ta’ skor speċjalment fit-tieni taqsima. Fost l-okkażjonijiet li kellhom spikka dak li seħħ fis-67 minuta meta Roberto Soriano daħal tajjeb iżda wara li rċieva mingħand Riccardo Orsolini, ra x-xutt tiegħu minn ħalq il-lasta jaħbat mal-mimduda u spiċċa barra.

Huma kienu ħasbu li marru fil-vantaġġ fid-90 minuta iżda l-gowl ta’ Federico Santander ġie mħassar għal offside. Madankollu tliet minuti wara huma skorjaw il-gowl tar-rebħa bi kross mil-lemin ta’ Orsolini jsib lil ROBERTO SORIANO li b’daqqa ta’ ras fil-baxx għar-rokna leminija għeleb lil Etrit Berisha.