Fl-aħħar sigħat, xogħol li sar minn membri tal-Pulizija wassal biex inġabru filmati tas-sigurtà li juru l-persuna li wettqet diversi atti ta’ vandaliżmu f’diversi toroq f’Tas-Sliema.
Wara l-lejl li għadda diversi residenti f’Tas-Sliema stenbħu għal aħbar xejn sabiħa. Fost it-toroq li sofrew minn dan il-vandaliżmu huma Triq Isuoard u Triq Rudolph. Il-ħsara jidher li seħħet bi spray fuq vetturi u bini privat matul it-toroq.
Minn filmati tas-sigurtà li kien hemm f’diversi toroq inqabad il-persuna li għamel il-graffiti iżda s’issa jidher li għadu ma ġiex iddentifikat. Mill-ewwel indikazzjoni jidher li ż-żagħżugħ hu barrani. Fil-filmat jidher biċ-ċar ir-raġel li qed jipprova jgħatti wiċċu bil-flokk abjad li kellu f’idu iżda f’diversi partijiet mill-filmati jidher ċar.
Kif juru r-ritratti, il-kitba saret fuq partijiet differenti ta’ diversi karozzi u saħansitra fuq ħitan ta’ bini.
Il-Kunsill Lokali jikkundanna dawn l-atti ta’ vandaliżmu fuq propjetajiet u vetturi privati tar-residenti Slimiżi. Il-Kunsill Lokali jħeġġeġ il-pulizija tagħmel aktar patrols madwar it-Toroq tal-lokal sabiex atti bħal dawn jonqsu.
Barra dan, ir-residenti qalu li l-Islimiżi kollha mhux qed jitħallew jorqdu mal-lejl hekk kif diversi persuni qed jgħaddu fit-toroq jgħajtu u jgħamlu ħafna storbju bil-mużika. Huma saħqu li l-kwalità ta’ ħajja f’din il-lokalità hi waħda insapportabli.
//= $special ?>