Lokali

“Ħtieġa li jkun hemm kontrolli tas-saħħa għall-‘massage parlours'”

“Huwa kruċjali li jibdew isiru kontrolli tas-saħħa obbligatorji kull tliet xhur għal dawk li jaħdmu f’massage parlours”.

Dan qalu t-tabib Philip Carabot f’intervista lill-Orizzont, fejn tulha ssuġġerixxa dan kollu.

Philip Carabot, li kien imexxi l-GU Clinic nazzjonali u li issa jmexxi GU Clinic privat, qal li minflok is-sitwazzjoni preżenti ta’ “free for all”, nagħlqu għajnejna u nippretendu li kollox huwa tajjeb, tajjeb li jibdew isiru kontrolli tas-saħħa.

It-tabib Philip Carabot

Huwa qal li jekk mit-testijiet li jsiru jirriżulta li hemm xi mard jew infezzjonijiet, m’għandix tingħata liċenzja tax-xogħol.

Fir-rigward ta’ liema mard trasmess sesswalment huma l-iktar prevalenti, il-maġġor parti tagħhom qegħdin jiżdiedu, iżda Carabot qal li s-sifilide hija waħda mill-aktar prevalenti.

L-aħħar statistika li ħarġet fuq rapporti lokali wrew li aktar minn 500 raġel marru jagħmlu test wara attività sesswali ġewwa massage parlour. L-istess statistika tgħid li kważi 1 minn kull 10 mill-irġiel ammettew li ħalsu lill-persuni li jaħdmu f’massage parlours għall-attivitajiet sesswali.

Carabot qal li m’hemm xejn ġdid minn dawn ir-rapporti għax l-imsejħa massage parlours u l-gentlemen’s clubs, fil-parti kbira tagħhom, jintużaw għal skopijiet sesswali.Huwa żied jgħid li meta wieħed jipprova jipprojbixxi dawn il-postijiet, jistgħu jibdew jaħdmu bil-moħbi u tagħmilhom saħansitra aktar riskjużi għal kulħadd.