Lokali

Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma jistax jagħlaq il-binja

Konfermat illi id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma jistax jagħlaq il-binja f’Buġibba fejn sar ir-raid tal-Pulizija aktar kmieni din il-ġimgħa. U dan fuq ordni tal-Qorti.

Netnews jinsab infurmat li deċiżjoni dwar dan il-każ mistennija tittieħed fid-9 ta’ Settembru.

Wara li kmieni din il-ġimgħa sar ir-raid f’dik li kienet La Paloma Hotel f’Buġibba, huwa evidenti li l-immigranti rritornaw lura jgħixu f’din il-binja.

Notifika li twaħlet mal-blokka ffirmata mis-Supritindent tas-Saħħa Pubblika kienet tgħid li s-sit ġie magħluq u l-ebda persuna ma tista’ tmur kontra din l-ordni. Izda it-Tlieta filgħaxija, il-persuni li qegħdin imexxu din il-binja resqu mandat ta’ inibizzjoni fil-Qorti f’dan ir-rigward…. liema mandat ġie milqugħ.

Fil-ħin li l-crew ta’ netnews l-Erbgħa li għadda għamel fuq ġewwa ta’ din il-binja, mal-ewwel stajna ninnutaw l-istat ta’ abbandun li kien jinsab fih dan il-post – riħa kbira ta’ umdità, nuqqas kbir ta’ ndafa u telqa ma’ kullimkien.

Iżda meta l-Ġimgħa erġajna morna fit-triq ta’ din il-binja rajna xi tibdil. Jidher li d-daħla ġiet imnaddfa kif ukoll sar xogħol ta’ manutenzjoni fejn kien hemm bżonn.

Dan kollu juri li issa l-post qed jiġi irranġat biex ikun wieħed iktar abitabbli għal dawn l-immigranti.

Mill-post, il-Pulizija kienu gabru aktar minn 150 immigranti ta’ kull xahar iħallsu madwar mitejn ewro kull wieħed biex ikunu jistgħu joqogħdu f’dawn l-appartamenti, fejn jidher li f’kull karma kienu joqogħdu iktar minn ħames immigrant.