Inċident wara l-ieħor … u l-Gvern jibqa’ jinjora s-sigurtà tas-sewwieqa.
Minkejja diversi inċident fi triq ewlenija li tagħti għall-vapur ta’ Għawdex, ma ttieħdet l-ebda inizzjattiva biex din it-triq issir waħda iktar sigura.
In-Nazzjon tkellem mad-Deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar fejn saħaq li l-problema f’din it-triq ilha hemm għal snin twal u xejn għadu ma sar biex jiġu evitati iktar inċidenti.
“Din hi sitwazzjoni li ilha ġejja,” saħaq id-Deputat tal-PN, filwaqt li kompla jgħid, “Din hi triq li hi l-alterja prinċipali li twassal għal ġewwa l-port tal-Imġarr. Allura, kif wieħed jista’ jimmaġina jkun fiha ħafna traffiku b’konsegwenza li jkun hemm sewqan aċċessiv u abbużiv.”
Matul dawn l-aħħar snin, il-Partit Nazzjonalista tkellem dwar din il-problema fil-Parlament iżda l-Gvern kontinwament qed jirrifjuta li jsib soluzzjoni.
“Żgur li hemm miżuri li jistgħu jittieħdu,” qal konvint Kevin Cutajar, “Anzi hemm diversi. Kont qed nara rapportaġġ riċenti ta’ dak li qal is-sindku Kevin Cauchi, hemm numru ta’ miżuri li wieħed jista’ jieħu. L-importanti li jittieħdu f’kunsiderazzjoni hekk kif is-sitwazzjoni ma jistax ikun tibqa’ hekk.”
Sena wara sena, sindku wara ieħor, kollha tkelmu dwar din il-problema li qed tħalli l-imwiet f’din it-triq, Triq l-Imġarr, iżda lanqas huma ma ngħataw widen.
F’post fuq Facebook li kien tefa’ s-Sindku ta’ Għajnsielem stess, Kevin Cauchi qal li din it-triq qed tkun ta’ periklu kemm għas-sewwieqa u saħansitra għar-residenti.
Iktar pressjoni żdiedet wara li f’seba’ t’ijiem saru tliet inċidenti, b’wieħed minnhom jieħu l-ħajja ta’ mara ta’ 41 sena mil-Latvija residenti s-Swieqi.
B’dawk li tkellmu ma’ dan l-istazzjon qalulna li diversi karozzi jgħaddu b’veloċità qawwija minn din it-triq, b’kawża li jissograw ħajjithom u oħrajn li jinzertaw fl-istess triq.

