Lokali

Il-Gvern se jibqa’ għaddej bil-proġett tas-Central Link

Il-Gvern, se jibqa’ għaddej bil-proġett tas-Central Link – jgħidu x’jgħidu l-għaqdiet ambjentali.

Dikjarazzjoni ċara mill-Ministru Ian Borg li għalkemm kulħadd għandu l-opinjoni tiegħu, il-Gvern xorta se jibqa’ għaddej bil-proġett li se jeqred iktar minn 55,000 metru kwadru ta’ art agrikola. Dan apparti l-qerda ta’ għexieren ta’ siġar mir-rotta li fiha se tinbena l-bypass il-ġdida li tgħaddi minn Ħ’Attard.

Iktar kmieni din il-ġimgħa 15-il ngo u residenti ressqu appell kontra dan il-proġett kontroversjali. L-appell jitlob sabiex jiġi sospiż kull tip ta’ xogħol minħabba li fl-applikazzjoni għall-proġett ġew injorati l-ħsarat li jistgħu jsiru fuq binjiet storiċi, u nkissru diversi policies.

Infrastructure Malta għandha track record li taqbad u tibda xogħlijiet mingħajr ma jkollha l-permessi neċessarji. U għalhekk l-appellanti qed jinsistu li jieqaf dan l-abbuż, u verament jittieħdu deċiżjonijiet għall-ġid tas-saħħa tar-residenti, li jkunu sostenibbli u li jħarsu l-ambjent.

Il-Gvern tant ma jimpurtaħx mill-ambjent, l-għaqdiet, r-residenti kif ukoll il-bdiewa, li ċ-Chairman tal-ERA Victor Axiak, li ħatar hu stess, ivvota favur dan il-proġett meta kellu d-dover li jħares l-interess ambjentali.

Intant f’risposta li ta lill-ġurnalisti Ian Borg ikkonferma li l-iscooters elettriċi li ħafna żgħażagħ qed jagħmlu użu minnhon fit-toroq ta’ pajjiżna mhumiex regolati. Hu ħabbar li l-ġimgħa d-dieħla se jkun qed joħroġ dokument għall-konsultazzjoni pubblika dwar l-użu ta’ dawn l-iscooters.