Lokali

Jingħalaq il-bar tal-Każin Laburista f’Tas-Sliema minħabba l-abbuż tad-droga u l-logħob tal-azzard

Il-każin Laburista issa ilu magħluq minn nofs Awwissu

Il-Partit Laburista qiegħed iżomm skiet perfett dwar l-għeluq tal-Każin Laburista ta’ Triq il-Ġafar f’Tas-Sliema minħabba l-abbuż tad-droga u l-logħob tal-azzard.

Il-Partit Laburista, tramite l-Amministrazzjoni Ċentrali tiegħu, iddeċida li dan il-każin tassew frekwentat min-nies jingħalaq madwar għaxart ijiem ilu. Minn Ġunju lil hawn dan il-każin beda jkun iffrekwentat minn numru ta’ persuni rinomati għat-traffikar tad-droga u minn oħrajn b’passat kriminali.

Sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon żvelaw magħna kif oriġinarjament il-problema tal-abbuż tad-droga kienet konċentrata f’każin ieħor fl-istess lokalit. Iżda l-Kumitat ta’ dik is-Soċjetà kien iddiskuta din il-kwistjoni u kien iddeċieda li temporanjament jagħlaq il-bar tal-istess.

Nifhmu li min kien qiegħed jiffrewkenta lil dan il-każin partikulari u issa spiċċa bil-bar magħluq fittex refuġju f’x’imkien ieħor biex hekk ikompli bl-operat u n-negozju tiegħu tat-traffikar tad-droga.

Kollox jindika li l-attenzjoni ntefgħet fuq il-Każin Laburista ta’ Triq il-Ġafar f’Tas-Sliema fejn f’temp qasir bdiet tpoġġi klikka ta’ nies magħrufa għat-traffikar tad-droga kif ukoll għall-involviment tagħha fil-logħob goff tal-azzard.

In vista ta’ dan ix-xenarju l-Pulizija tad-Distrett u anki l-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u anki dik ta’ Kontra l-Vizzji ma jidhirx li qatt għamlu xi rejd għall-abbużi li kienu qed isiru fl-istess Każin Laburista. Dan minkejja li dawn l-abbużi fi ftit jiem biss bdew ikunu organizzati minn persuni b’dellhom tqil jew b’passat kriminali.

Dan is-sigriet magħruf dwar dawn l-abbużi jidher li kienu konxji tiegħu mhux biss ħafna Slimiżi, imma oħrajn minn barra l-lokalità ta’ Tas-Sliema. Fil-fatt spiss fil-Każin Laburista ta’ Triq il-Ġafar kienu jirrikorru terzi persuni għal skop ta’ xiri ta’ droga u li ma humiex mill-akkwati ta’ Tas-Sliema.

Nifhmu li quddiem din is-sitwazzjoni ta’ negozju ta’ droga kif ukoll ta’ logħob goff tal-azzard, l-Amministrazzjoni Ċentrali tal-Partit Laburista flok ma rrikorriet għand il-Pulizija għal azzjoni immedjata, iddeċidiet li jingħalaq il-każin. Il-Każin Laburista ta’ Triq il-Ġafar issa ilu magħluq ċirka min-nofs Awwissu li għadda.

Sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon qalulna li għalkemm ittieħdu dawn il-passi, jidher li din il-klikka ma nqatgħetilhiex rasha għaliex issa qed tara fejn se tintefa’ biex l-operat tagħha jissokta bla mittiefes.

Kien ikun ferm aktar għalqi kieku min ħa d-deċiżjoni li jagħlaq il-bibien tal-Każin Laburista ta’ Triq il-Ġafar f’Tas-Sliema, informa lill-Pulizija biex jagħmlu rejd u jaqbdu lil min qed jittraffika t-trab abjad u lil min hu l-moħħ wara l-logħob tal-azzard.