Budget 2020 Ekonomija Lokali

JIŻDIED L-IŻBILANĊ: Daqqa oħra għall-finanzi tal-Gvern

Anke d-dejn tal-pajjiż qed ikompli jiżdied

Fl-ewwel sitt xhur tas-sena l-Gvern irreġistra żbilanċ ta’ €126 miljun fil-Fond Konsolidat. Dan meta mqabbel mal-istess perijodu tas-sena li għaddiet.

Id-deficit fil-finanzi pubbliċi kien konfermat minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).

Iċ-ċifri juru fost l-oħrajn li n-nefqa f’pagi splodiet b’€39 miljun f’temp ta’ sena – flus li ħafna minnhom marru għal konsulenzi, positions of trust u pagi lil nies tal-qalba fid-diversi Ministeri u entitajiet governattivi.

Ftit tax-xhur ilu l-Ministru tal-Finanzi kien diġa’ wissa’ li l-ekonomija Maltija mhix sejra daqstant tajjeb, u resqin lejn slowdown. Dan meta l-Ministri sħabu ilhom xhur ikantaw id-diska tas-surplus, bil-Prim Ministru inkluż – suplus li issa sparixxa.

Anke d-dokument ta’ qabel il-Budget jindika b’mod ċar li l-finanzi tal-Gvern qed jitnaqqru, u issa grazzi għal din l-istatistika tal-NSO nafu li parti kbira mill-ispiża qed tmur fuq pagi u salarji fenomenali lil nies li ddaħħlu mal-Gvern.