Internazzjonali

L-Estonja: Il-Prim Ministru Ratas jegħleb vot ta’ sfiduċja

Il-Prim Ministru tal-Estonja, Juri Ratas,  irnexxielu jegħleb vot ta’ sfiduċja fil-Parlament u, fl-ewwel kummenti, qal li ‘għad għandu fiduċja fil-Ministri kollha tiegħu’.

Il-vot kien issejjaħ mill-Oppożizzjoni wara li Ministru tal-Partit EKRE ( estremista tal-lemin) imsieħeb fil-koalizzjoni prova jkeċċi lill-Kap tal-Pulizija tal-Istat. Il-koalizzjoni ta’ tliet partiti mmexxija minn Ratas ilha fil-poter għal erba’ xhur biss – b’55 deputat, issa, jivvutaw biex il-koalizzjoni tkompli u b’40 jivvutaw kontra. Kien mistenni minn qabel li l-mozzjoni ta’ sfiduċja tfalli peress li l-Gvern qed jikkontrolla 56 siġġu fil-Parlament ta’ 101 deputat.

Il-protagonista wara l-vot ta’ sfiduċja kien il-Partit Riformista li hu l-akbar entità fl-Oppożizzjoni u li kien urtat talli l-Ministru tal-Finanzi Martin Helme ( tal-EKRE) ipprova jneħħi lill-Uffiċjal ewlieni tal-Pulizija f’tilwima dwar il-finanzjament.

Il-Partit Riformista kien rebaħ l-elezzjonijiet ta’ Marzu fl-Estonja iżda baqa’ barra mill-Kabinett meta l-Partit taċ-Ċentru ta’ Ratas daħal fi ftehim mal-Ekre u l-Partit konservattiv ‘Art Twelidna’ biex jifforma l-koalizzjoni.