Il-Gvern għandu minnufih jippubblika l-istudji rilevanti mal-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex u jieqaf jieħu deċiżjonijiet mingħajr studji u mingħajr pjan fit-tul.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota li l-assoċjazzjoni tal-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu f’Malta talbet sabiex ikunu ppubblikati l-istudji kollha relatati mal-proġett tal-mina. Dan hu dak li ilha tinsisti dwaru wkoll l-Oppożizzjoni fl-aħjar interess ta’ Għawdex u l-Għawdxin, tas-sostenibbiltà ambjentali u tal-governanza tajba.
Filfatt l-Oppożizzjoni kienet resqet emendi għall-mozzjoni tal-Gvern fuq dan il-proġett u talbet lill-Gvern jippubblika l-istudji kollha li diġà tlestew, ikompli għaddej bl-istudji neċessarji u minnufih jippubblika l-istess studji ġaladarba jitlestew, u jiżgura li jsiru l-istudji kollha meħtieġa bħall-Environmental Impact Assessment u l-Istrategic Environment Assessment kif ukoll studju dwar possibbiltà ta’ użu tat-trasport tal-massa.
Madanakollu, dan jistona ma’ dak irrappurtat fil-midja fejn intqal li aktar tard din is-sena se joħorġu l-ewwel tenders meta l-ebda studju għadu ma ġie ppublikat. Il-Gvern għandu jieqaf iwebbes rasu u jkaxkar saqajh u minflok jisma’ t-talba u t-tħassib ta’ bosta għaqdiet inkluż tal-GTA.
L-Oppożizzjoni tirrijafferma li hija favur miżuri li jtejjbu l-konnettività bejn Malta u Għawdex u tisħaq sabiex il-Gvern idaħħal minnufih servizz ta’ fast ferry u jreġġa’ lura d-deċiżjoni ħażina tiegħu li jwaqqaf ħesrem is-servizz għall-merkanzija.
//= $special ?>