Ekonomija Lokali

Qisu xejn mhu xejn: “Ħasil ta’ flus? Jiġri kullimkien”

Il-Ministru Scicluna bħalissa qed jiffaċja akkużi serji u jinsab taħt inkjesta kriminali dwar l-iskandlu Vitals

Dikjarazzjoni xokkanti mill-Ministru tal-Finanzi illi f’intervista li ta’ lill-ġurnal Ingliż The Telegraph hu stqarr li kull pajjiż għandu l-problemi tiegħu, u li l-ħasil tal-flus jiġri kullimkien.

“Kull pajjiż għandu l-issues tiegħu…f’Londra hemm ir-Russi u l-projeta'”, stqarr Edward Scicluna.

Mal-ġurnal Ingliż, Scicluna ftaħar bir-regolaturi li hawn f’pajjiżna, mingħajr ma provda ebda ċifri.

Bħalissa Scicluna, apparti li kif qalilna hu stess jinsab fil-kċina qed iħejji għall-Budget, jinsab ukoll għaddej b’inkjesta Maġisterjali fil-konfront tiegħu. Dan bħala parti minn kawża li titratta l-iskandlu tal-Vitals u l-bejgħ tal-isptarijiet.

Intant, fl-intervista l-Ministru tal-Finanzi rrefera wkoll għall-proġett tal-power station tal-gass fejn uża l-istess kliem ta’ ftaħir li huwa sinonimu mal-Partit Laburista meta jirreferi għall-Electrogas. Din hi l-istess power station li r-Rapport tal-Kunsill tal-Ewropa jiddeskrivi bħala “allarmanti” fil-mod kif saret u “irregolari”.

Intant, b’reazzjoni għal din l-aħbar żvelata minn The Shift News, il-Kap tal-PN Adrian Delia stqarr li l-Ministru Scicluna jrid jerfa’ responsabbilta’ u jirriżenja. Hekk jagħmlu f’kull demokrazija Ministri li l-entitajiet ta’ taħthom ikunu fallew.