Il-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson wissa lid-deputati fil-Parlament ta’ Londra li qed jaffettwaw ħażin iċ-ċansijiet li hu jasal fi ftehim mal-Unjoni Ewropea minħabba t-tentattivi tagħhom biex jevitaw no-deal Brexit.
Dan meta numru ta’ deputati qegħdin jieħdu azzjoni biex jevitaw il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr ftehim wara li Johnson irrepeta li l-pajjiż, ‘irrispettivament minn kollox’, se jispiċċa mill-UE fil-31 ta’ Ottubru.
Issa, Johnson qal li ‘aktar (id-deputati) ma jippruvaw jevitaw sitwazzjoni ta’ no-deal Brexit akbar tkun il-probabbiltà li r-Renju Unit jispiċċa f’dik is-sitwazzjoni.’
It-twissija ta’ Johnson għandha sinifikat partikulari wara li l-Prim Ministru ħabbar li se jkun qed jissospendi lill-Parlament għal ħames ġimgħat, bejn Settembru u Ottubru. Dan qed isir biex jippermetti għal diskors tar-Reġina ( Queen’s Speech) li jiddettalja l-aġenda tal-Gvern għall-futur.
Intant, il-kritiċi qed ikomplu jakkużaw lil Boris Johnson li s-sospensjoni hi intenzjonata biex tevita kull inizjattiva, fil-House of Commons, li tista’ twaqqaf in-no-deal.
Id-deputati f’Londra għad għandhom żmien li jieħdu azzjoni, il-ġimgħa d-dieħla, meta jirritornaw għad-doveri tal-Parlament wara l-btajjel. Din, għalissa, hi s-sitwazzjoni qabel is-sospensjoni tal-House of Commons, li mistennija għal bejn id-9 u t-12 ta’ Settembru u bil-ħsieb li tkompli sal-14 ta’ Ottubru.
L-eks Prim Ministru Britanniku John Major qal li se jipprova għal evalwazzjoni ġudizzjarja, permezz tal-qrati, biex jopponi s-sospensjoni tal-Parlament. Għal din l-inizjattiva, Major għandu ‘alleata’ minn Gina Miller, l-attivista ewlenija anti-Brexit, bit-tentattiv qed jingħata anki appoġġ mill-Kap tal-Partit Liberali Demokratiku, Jo Swinson.
Sadanittant, Imħallef fl-Iskozja warrab tentattiv simili legali biex jinżamm il-pjan ta’ Johnson għall-għeluq tal-Parlament Britanniku. Dan wara li grupp ta’ 75 parlamentari pruvaw għal ‘interdett proviżorju’ rigward l-intenzjonijiet tal-Prim Ministru – u meta nhar it-Tlieta għandu jsir smigħ ‘totali’ relatat għaċ-ċirkustanzi.
Min-naħa tiegħu, Boris Johnson impenja ruħu biex ‘iżid ir-ritmu tax-xogħol’ lejn konferma ta’ ftehim mal-UE qabel id-deadline tal-Brexit – bin-negozjaturi tar-Renju Unit għandhom jiltaqgħu, darbtejn f’ġimgħa, mar-Rappreżentanti tal-Unjoni, qabel is-summit kruċjali tal-UE li se jsir fis-17 ta’ Ottubru.
Fl-istess ħin, kelliema għall-Kummissjoni Ewropea qalu li ‘il-bibien għadhom miftuħin’ għal ftehim dwar il-Brexit, fost l-insistenza li l-UE ‘uriet li lesta biex taħdem għal 24 siegħa kuljum f’dan il-proċess twil’.
//= $special ?>