Id-data mill-Gvern tal-Kongo kkonfermat li ċ-ċifra tal-imwiet mill-marda tal-Ebola fil-pajjiż issa qabżet l-2,000, bl-awtoritajiet li qed jikkumbattu l-emerġenza qegħdin jagħmlu li jistgħu quddiem ‘in-nuqqas ta’ fiduċja dwar ir-reazzjonijiet tagħhom’ qalb il-komunitajiet. Dan meta l-awtoritajiet qed jikkonfrontaw anki numru kbir ta’ problemi għas-sigurtà.
Il-mewt, fl-Uganda, ta’ tifla ta’ disa’ snin li testjat pożittiv għall-virus wara li daħlet fil-pajjiż mill-Kongo enfasizzat l-isfida enormi għall-iskwadri mediċi li qed jippruvaw irażżnu l-firxa tal-Ebola fit-territorji mal-fruntiera fejn hemm element qawwi ta’ mobbilità fost il-poplu.
L-iskwadra tal-Gvern li qed tindirizza l-kriżi tal-Ebola qalet li l-ammont tal-każi ‘ikkonfermati u probabbli’ huma ‘aktar minn 3,000’, b’din tkun it-tieni l-agħar epidemija tal-virus kemm ilhom jinżammu r-rekords.
Minkejja l-iżvilupp ta’ mediċini effettivi kontra l-virus, il-ħaddiema tas-saħħa qed isibuha diffiċli biex iwaqqfu l-Ebola milli tinfirex qalb iz-zoni remoti tar-Repubblika tal-Kongo u t-territorji tal-pajjiż iddominati mill-konflitt – fejn ir-residenti huma ferm ‘suspettużi’ dwar il-programmi kontra l-Ebola.
Madankollu, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li l-aħħar każ tal-Uganda ‘enfasizza l-kapaċità tal-awtoritajiet mal-fruntiera biex jindikaw u jiżolaw is-sorsi tat-trasmissjoni ( tal-marda) potenzjali’.
Filwaqt li din hi l-għaxar epidemija tal-Ebola fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, l-emerġenza attwali hi l-ewwel waħda fil-provinċji tat-Tramuntana ta’ Kivu u Ituri ( qalb l-għoljiet u ddominati bil-muntanji) li z-zoni tagħhom ilhom is-snin iddominati minn vjolenza mill-gruppi tal-miliziji u inċidenzi ripetuti ta’ qtil etniku.
//= $special ?>