Lokali Qorti

Sentenza sospiża fuq serq ta’ basket li kien fih iPad mill-isptar Mater Dei

L-Isptar Mater Dei - Mill-Arkivji

Ċensina Borg ta’ 59 sena u residenti San Pawl il-Baħar ġiet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammettiet li fit-22 ta’ Lulju li għadda meta kienet fl-isptar Mater Dei, serqet basket propjetà tal-konsulent Mark Formosa, liema basket kien fih iPad.

Meta tressqet il-Qorti fis-27 ta’ Lulju li għadda hija kienet wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha, iżda issa ddeċidiet li tammetti. Oriġinarjament hija kienet tressqet il-Qorti ma’ binha Anthony Borg ta’ 36 sena fuq l-istess każ. Borg inqabdet permezz tal-filmati tal-kameras tas-CCTV tal-isptar.

Fil-Qorti l-Ispettur Mario Xiberras kien qal li mill-filmati kienu ġew identifikati l-persuni. Ċensina Borg li hija minn Naxxar ammettiet is-serqa quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, liema każ seħħ għall-ħabta tal-11.00 a.m. liema iPad kien tal-marka Apple u li l-valur tiegħu jaqbeż il-€233.

Il-Qorti ma sabitx lil Borg ħatja li saret reċediva u dan peress li waqt is-seduta tad-19 ta’ Awwissu 2019, il-Prosekuzzjoni rtirat l-akkuża tar-reċediva fil-konfront tagħha.

Fid-dawl ta’ l-ammissjoni u anke fid-dawl tal-provi prodotti fil-konfront tagħha fejn ħadet in konsiderazzjoni ukoll tal-fatt li l-imputata rreġistrat ammissjoni fi stadju relattivament bikri tal-proċeduri, ikkundannata għal sentejn priġunerija, iżda peress illi f’dan il-każ Borg irreġistrat ammissjoni fi stadju relattivament bikri tal-proċeduri, hemm lok li t-terminu ta’ sentejn ħabs jiġi sospiż għal erba’ snin.

Il-Qorti spjegat lill-imputata bi kliem ċar ir-responsabilità tagħha taħt l-Artikolu 28B tal-Kap. 9 tal-Liġijiet ta’ Malta jekk hija tikkommetti reat matul il-perijodu operattiv ta’ din is-sentenza sospiża, reat li għalih hemm piena ta’ priġunerija.