MOSTA………………………… 3 SIRENS…………………………… 4
Mosta: A. Vella, D. Xuereb, T. Farrugia, R. Morisco, K. Gatt (D. Bonnici 72’), L. Villareal (Z. Brincat 67’), M. Muchardi, W. Gomes, R. Ekani (G. Aquilina 75’), E. Murga, M. Jallow
Sirens: D. Cassar, R. Romao, S. dos Anjos, A. Borg, A. Bustos, (R. Grech 20’), L. Sciberras, A. Adeshina, W. de Oliveira (R. Fenech 74’), S. Eddin Arab (L. Memezes 56’), E. Okoye, F. Cheveresan
Imwissija: R. dos Anjos 39’, A. Borg 42’, E. Okoye 88’ (S), D. Xuereb 61’, E. Murga 75’ (M)
Skorjaw: I. Adeshina 6’, E. Okoye 28’, F. Cheveresan 57’, W. de Oliveira 68’ (S), M. Jallow 16’, M. Muchardi 82’, W. Gomes 83’ (M)
Referee: Trustin Farrugia Cann
Assistenti Referees: Thomas Debono, Luke Portelli
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Flavio Cheveresan (Sirens)
BOV Plejer tal-logħba: Flavio Cheveresan (Sirens)
Attendenza: 176
It-tim promoss Sirens baqgħu mhux megħluba wara żewġ logħbiet meta din id-darba rebħu konfront dirett kontra Mosta 4-3. Ir-rebħa għalihom kienet meritata anki jekk issugraw li jitilfu dak li ħadmu għalih lejn it-tmiem. Mosta kellhom moral għoli wara r-rebħa kbira fuq Tarxien, iżda naqsu li jieħdu kontroll assolut tal-logħba.
Sirens fetħu l-iskor wara sitt minuti bi kross mil-lemin ta’ Flavio Cheveresan isib lil IGE ADESHINA li għeleb lil Andreas Vella bir-ras. Mosta wieġbu fil-11-il minuta b’Edin Murga jgħaddi lejn Matias Muchardi li kellu x-xutt salvat tajjeb minn David Cassar.
Il-Mostin ġabu d-draw fis-16-il minuta meta Muchardi tefa’ kross fil-baxx mil-lemin lejn MOMODOU JALLOW li daħal tajjeb biex għeleb lil Cassar b’xutt mill-ewwel. Ċans ieħor għal Mosta fl-24 minuta b’korner ta’ Muchardi jsib lil Tyrone Farrugia iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet ftit barra.
Sirens reġgħu marru minn fuq fit-28 minuta. Romeu Romao tefa’ kross mil-lemin, Vella mblokka parzjalment fuq Cheveresan, bil-ballun jispiċċa għand EMMANUEL OKOYE li skorja mill-qrib. Sa tmiem l-ewwel taqsima, Mosta kellhom żewġ tentattivi tad-difensur Rafael Morisco. Fis-36 minuta kellu free-kick mid-distanza salvat u fl-44 minuta xutt mill-kaxxa għadda ftit għoli.
Mosta ħarġu jfittxu l-gowl fit-tieni taqsima u fit-48 minuta Jallow kien imċaħħad minn Cassar li salva mill-viċin ix-xutt b’saħħtu, biex fis-56 minuta daqqa ta’ ras ta’ Tyrone Farrugia kienet blokkata fil-ħin minn Romao.
Minuta wara Sirens kabbru l-iskor meta Okoye krossja mix-xellug fil-kaxxa, bl-attakkant FLAVIO CHEVERESAN jantiċipa l-ħarġa ta’ Vella u skorja b’daqqa ta’ ras. Ħames minuti wara Wellington de Oliveira kien imċaħħad minn Vella u l-lasta u mill-korner sussegwenti d-daqqa ta’ ras ta’ Adrian Borg għaddiet ftit għoli.
Sirens ħasbu li għalqu l-logħba fit-68 minuta b’ħarba tajba ta’ WELLINGTON DE OLIVEIRA li ġera minn mal-linja xellugija, avvanza u għeleb lil Vella b’xutt fil-baxx. Mosta wettqu reazzjoni u fit-73 minuta laqtu l-lasta meta Edin Murga għadda lejn Weverton Gomes li ġie mċaħħad mill-wieqfa. Ħames minuti wara, David Cassar dawwar f’korner b’diffikultà fuq xutt ta’ Zachary Brincat.
Mosta daħlu fil-logħba fit-82 minuta b’MATIAS MUCHARDI jqabbeż fuq Cassar bi kross mix-xellug li spiċċa fuq it-tieni lasta. Minuta biss wara, Mosta skorjaw it-tielet gowl meta minn korner ta’ Muchardi, WEVERTON GOMES ħa vantaġġ minn taħwida fil-kaxxa u kompla għal ġewwa mill-qrib. Mosta tefgħu kollox fuq l-attakk u fit-93 minuta setgħu ġabu d-draw meta Farrugia kompla b’daqqa ta’ ras lejn Jallow li minn qagħda ra x-xutt jaħbat man-naħa ta’ barra tax-xibka.
//= $special ?>