Lokali Qorti

Somalu jinżamm arrestat wara li ġie mixli li sawwat Niġerjan u seraqlu €100

Niġerjan li jgħix l-Italja u jinsab Malta bħala turist kien sejjer jixtri pizza u spiċċa aggredit u msawwat minn tnejn minn nies u misruq is-somma ta’ €100.

L-Ispettur Matthew Spagnol spjega dan fil-Qorti hekk kif ressaq lil Omar Iffe Mohamed, Somalu ta’ 23 sena li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras b’serq vi vjolenza, li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq il-vittma, u li kien fis-sakra f’post pubbliku.

L-allegat vittma xehed fil-Qorti u qal li kien għall-ħabta tat-8.30 a.m. li huwa kien għaddej għall-affari tiegħu min Triq San Ġorġ, f’Paċeville fejn kien hemm grupp ta’ nies.

Wieħed minnhom waqqfu u talbu ‘lighter’ u hekk kif kien se jnewwillu l-‘lighter’ tah daqqa ponn ħadlu l-mobajl u anke seraqlu karta ta’ €100.
In-Niġerjan qala’ wkoll xi daqqiet mingħand persuna oħra li kienet ma’ Mohamed, liema persuna għada ma ġietx identifikata.

Huwa qal ukoll li ġie meħud l-isptar Mater Dei u kif ġie rilaxxat mar jagħmel rapport dwar l-inċident lill-Pulizija. Is-Somalu wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv. Għalih deher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Simon Micallef Stafrace.