Grupp ta’ ħmistax-il immigrant li kienu salvati mill-baħar waslu fi Spanja permezz ta’ bastiment tal-gwerra Spanjol u wara li l-Italja rrifjutat li tagħti permess lill-vapur li kien salvahom mill-Baħar Mediterran biex jitfa’ l-ankri f’wieħed mill-portijiet tagħha.
L-immigranti kienu parti żgħira minn grupp ta’ aktar minn 100 immigrant li kienu salvati mill-vapur ta’ fejda (ta’ reġistrazzjoni Spanjola) ‘Open Arms’. Il-15-il immigrant kienu spiċċaw iżolati barra l-Italja għal tliet ġimgħat iżda fl-aħħar sigħat huma niżlu mill-bastiment tal-gwerra ‘Audaz’ li wassalhom fil-port ta’ San Roque minfejn telgħu fuq xarabank taħt skorta ta’ pulizija.
Kien previst li l-ħmistax – 14 il-raġel u mara – jgħaddu minn eżamijiet tas-saħħa u meta kellhom jinħarġulhom il-permessi proviżorji sakemm ikunu riżolti l-applikazzjonijiet tagħhom għall-kenn politiku.
Il-Gvern Spanjol, il-ġimgħa l-oħra, kien bagħat l-‘Audaz’ biex jiġbor lill-immigranti ( li kollha ġejjin mill-Afrika) wara li ħames pajjiżi — Spanja, Franza, il-Portugall, il-Ġermanja u l-Lussemburgu – qablu li jeħduhom, wara l-kwistjoni fit-tul bejn l-Open Arms u l-awtoritajiet Taljani.
Matteo Salvini, li wasal biex jispiċċa minn Ministru Taljan għall-Intern, kien ipprojbixxa lill-bastimenti bl-immigranti illegali milli jidħlu fil-portijiet ta’ pajjiżu. Dan f’tentattiv biex Salvini irażżan il-movimenti tal-immigranti mill-Afrika ta’ Fuq li qed jippruvaw jaqsmu l-Mediterran lejn l-Ewropa.
Min-naħa tiegħu, il-grupp favur id-drittijiet tal-bniedem, Amnesty International, qal li l-kwistjoni tal-Open Arms enfasizzat ‘il-falliment tal-Ewropa li tikkontrolla l-kriżi tal-immigrazzjoni’.
Il-mod kif il-Gvern Soċjalista Spanjol (li għalissa qed jaqdi funzjoni temporanja) ħa ħsieb il-kwistjoni kien anki kritikat waqt sessjoni speċjali tal-Parlament – b’xi partiti jikkundannaw lill-amministrazzjoni f’Madrid talli aċċettat lill-immigranti u b’oħrajn jirriservaw il-kritika ‘talli l-Gvern naqas milli jieħu azzjoni aktar qabel’.
//= $special ?>