Lokali

Tiġi arrestata l-mara li serqet basket t’anzjana

F’filmati tas-sigurtà li kien hemm f’ħanut tas-sbuħija nqabdet u ġiet arrestata mara li serqet basket ta’ anzjana li kienet klijenta fl-istess ħanut.

Kif jidher fil-filmat, il-mara daħlet fil-ħanut u filwaqt li bdiet tħares madwarha, hi poġġiet bilqiegħda wara l-anzjana li kienu qed jagħmlulha difrejha. Minn hemmhekk, il-mara fetħet il-basket li kellha u tefgħet il-baskett tal-anzjana ġo tagħha, liema basket kien imdendel mas-siġġu tal-anzjana stess. Kif serqet il-baskett, hi telqet il-barra mill-ħanut.

Is-serqa seħħet il-Ġimgħa għall-ħabta ta’ nofsinhar f’ħanut fl-Imrieħel.

Jidher li din l-mara hi magħrufa sew mal-Pulizija hekk kif kemm ‘il darba nqabdet tisraq minn diversi filmati tas-sigurtà fi ħwienet differenti. Infatti, diversi sidien ta’ ħwienet oħra qalu li għaddew mill-istess esperjenza. Fi ħwienet tax-xagħar, din il-mara magħrufa li tmur b’żewġt itfal biex jaqtgħu xagħarhom filwaqt li hi tisraq.

Fi stqarrija tal-pulizija, mill-investigazzjoni li saru rriżulta fl-arrest ta’ din il-mara fejn bħalissa tinsab miżmuma għal iżjed stħarriġ.