Futbol Sport

Timo Werner jiskorja tripletta fir-rebħa ta’ Leipzig

(Ritratt: EPA)

Leipzig jinsabu b’punti massimi wara tliet logħbiet hekk kif barra minn darhom għelbu lil Borussia Mönchengladbach 3-1 bi tripletta ta’ Timo Werner, frisk minn tiġdid tal-kuntratt tiegħu l-ġimgħa l-oħra.

Il-Ġermaniż fetaħ l-iskor fit-38 minuta meta qabeż lil Matthias Ginter u għadda l-ballun minn bejn saqajn il-gowlkiper Yann Sommer. Il-plejer ta’ 23 sena skorja t-tieni gowl żewġ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, f’dak li kien il-ħames gowl tiegħu fi tliet logħbiet tal-kampjonat il-ġdid.

Id-difensur ta’ Leipzig Willi Orban għal ftit ma skorjax fix-xibka tiegħu stess fid-59 minuta, bil-ballun jaħbat mal-mimduda wara kross tal-avversarji. Breel Embolo daħħal lil Mönchengladbach fil-logħba fid-90 minuta b’daqqa ta’ ras, iżda Werner għalaq il-logħba bit-tielet gowl fl-aħħar xutt tal-logħba.