Internazzjonali

22 sena mill-mewt tal-prinċipessa tan-nies

Kien fis-sigħat bikrin tal-aħħar jum ta’ Awwissu ta’ 22 sena ilu li ġriet l-aħbar dwar inċident tat-traffiku f’Pariġi li ħasad lid-dinja u poġġa pajjiż f’luttu.

Fil-31 ta’ Awwissu tal-1997 f’Pont de l’Alma f’Pariġi titlef ħajjitha il-Prinċipessa Diana, fl-eta’ 36 sena meta l-karozza li kienet riekba fiha baqgħet dieħla f’waħda mill-kolonni taħt pont qrib ix-xmara Seine. Il-karozza kienet għaddejja b’veloċita’ qawwija u allegatament kienet qed tipprova taħrab minn paparazzi li kienu qed isegwuha.

Flimkien mal-prinċipessa, mietu Dodi al-Fayed li miegħu kellha relazzjoni u s-sewwieq tal-karozza Henri Paul. Trevor Reese Jones, uffiċjal tas-sigurta’ impjegat minn al-Fayed, kien l-uniku persuni li salva minn dan l-inċident.

L-aħbar qanqlet xeni ta’ luttu fir-Renju Unit għall-prinċipessa li kienet tant maħbuba u baqgħet maħbuba minkejja d-divorzju minn mal-Prinċep Charles u minkejja li nqatgħet minn mal-Familja Rjali tar-Renju Unit. Hi baqgħet magħrufa bħala l-Prinċipessa tan-Nies.

Il-Prinċpijiet William u Harry dak iż-żmien kellhom biss 15 u 12-il sena meta tilfu lil ommhom.

Il-funeral tagħha fis-6 ta’ Settembru kien wieħed mill-iktar avvenimenti televiżivi segwiti fid-dinja b’udjenza stmata li qabżet 2.5 biljun telespettatur.  Jibqgħu fil-memorja il-kanzunetta ta’ Elton John, ħabib personali tal-Prinċipessa Diana, li adatta s-silta’ tiegħu Candle in the Wind – oriġinarjament dedikata lil Marilyn Monroe – għall-Prinċipessa Diana.

Fl-1999, inkjesta fi Franza ikkonkludiet li l-inċident kien ikkawżat minn sewqan eċċessiv mix-xufier Henri Paul, liema sewqan kien aggravat mill-fatt li kien fi stat xurban u li kien taħt l-effett ta’ sustanzi mediċinali.

Inkjesta oħra fl-2008, din id-darba fir-Renju Unit, ikkonkludiet li l-inċident kien omiċidju involontarju ikkawżat minn Paul u l-paparazzi li kienu qed jiġru wara l-karozza.

Għalkemm iż-żewġ inkjesti kienu ikkonkludew li l-imwiet kienu aċċidentali, bħal diversi mwiet oħrajn ta’ persuni famużi, il-mewt ta’ Diana kienet is-suġġett ta’ diversi spekulazzjonijiet dwar min seta’ kien warajha.

Fost dawk li kien konvint li kien hemm xi ħadd wara din it-traġedja, kien hemm missier Dodi al-Fayed, il-biljunarju Eġizzjan li kien is-sid tal-lukanda Ritz f’Pariġi minn fejn kienu telqu il-vittmi f’dak il-vjaġġ fatali.

Barraminhekk, l-unika persuna li salvat, Trevor Reese Jones, ma jiftakar kważi xejn mill-inċident, kaġun tal-ġrieħi li ġarrab.