Sport

Inċident fatali waqt tellieqa ta’ Formula 2

It-tellieqa ta’ Formula 2 fi Spa Francorchamps fil-Belġju intemmet ħesrem wara inċident li fih tilef ħajtu sewwieq li kien qed jieħu sehem fit-tiġrija.

Anthoine Hubert, sewwieq Franċiż ta’ 22 sena, tilef il-kontroll tal-karozza tiegħu fit-tieni dawra fil-kurva magħrufa bħala Raidillon u baqa’ dieħel b’veloċita qawwija mal-ilqugħ li hemm fil-ġenb taċ-ċirkwit. Mad-daqqa, il-karozza inbeżqet lura fiċ-ċirkwit u intlaqtet minn karozza oħra misjuqa mill-Amerikan Juan Manuel Correa b’veloċita’ ta’ ‘l fuq minn 200 kilometru fis-siegħa.

L-impatt tant kien qawwi li l-karozza ta’ Hubert inqasmet fi tnejn. Sewwieq ieħor, Giuliano Alesi, kien involut fl-inċident iżda ħelisha ħafif mingħajr ġrieħi.

Iktar tard filgħaxija, l-FIA, il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Motorsport li torganizza l-kampjonati dinjija, ħabbret li Anthoine Hubert miet kawża tal-ġrieħi li ġarrab filwaqt li Correa jinsab f’qagħda stabbli.

Il-Formula 2 hu l-kampjonat fejn sewwieqa promettenti jispiċċaw magħżula biex eventwalment jikkompetu fil-Formula 1. Fil-fatt l-inċident seħħ matul it-tellieqa li bdiet eżatt wara l-provi għall-Grand Prix tal-Belġju li se jsir għada.

Hubert kien iċ-Champion renjanti tal-kampjonat GP3. Hu kien wieħed mis-sewwieqa tal-akkademja tat-tim Renault.