Għat-tieni darba fl-istorja tagħhom, iċ-champions lokali Luxol għaddew għar-Rawnd Prinċipali tal-UEFA Futsal Champions League wara li temmew il-grupp tagħhom b’punti massimi. Din hi t-tielet sena konsekuttiva li tim Malti għadda minn din il-fażi wara li Valletta kienu kkwalifikaw sena ilu.
Fl-ewwel logħba Luxol għelbu lil FC Fiorentino 5-0 imbagħad rebħu 5-3 kontra Dinamo Chisinau. Fl-aħħar logħba huma għelbu lin-Norveġiżi Sjarmtrollan 8-3 biex b’hekk ikunu fil-polza mal-aqwa timijiet tal-futsal fl-Ewropa. Il-fażi li ġejja tintlagħab fit-tieni ġimgħa ta’ Ottubru fil-kapitali tar-Repubblika Ċeka, Praga.
Kienu Sjarmtrollan li marru fil-vantaġġ fl-ewwel minuta permezz ta’ Milos Vucenovic iżda Leanderson Sant’ Anna Coriolano ġab id-draw ftit wara biex Everton Vevè poġġa lil Luxol minn fuq wara tmien minuti. Maicon da Silva rdoppja l-vantaġġ anqas minn minuta wara.
It-tim immexxi minn Gabriel Dobre daħal jistrieħ 5-1 minn fuq b’gowl preċiż minn għaxar metri ta’ Dejan Bizjak ħames minuti mit-tmiem u Celino Alves skorja l-ħames gowl minuta u nofs qabel daħlu jistrieħu. Sa tmiem it-taqsima, Vucenovic reġa’ skorja għal Sjarmtrollan.
L-istess plejer daħħal lill-ospitanti fil-logħba meta għamel l-iskor 5-3 sitt minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima. Iżda dan kien l-aħħar gowl tiegħu fil-logħba għaliex ftit wara tkeċċa wara fawl ikrah fuq Coriolano, inċident li ġab miegħu ftit mumenti ta’ tensjoni.
Luxol għalqu l-logħba ħames minuti mit-tmiem b’doppjetta ta’ Maicon da Silva fi ftit ħin, b’Dejan Bizjak jiskorja ġmiel ta’ gowl meta qabbeż il-ballun mid-distanza biex issiġilla r-rebħa.
Fil-logħba l-oħra tal-grupp, Dinamo Chisinau għelbu lil Fiorentino 9-2 biex spiċċaw daqs Sjarmtrollan b’erba’ punti, ħamsa wara Luxol filwaqt li Fiorentino spiċċaw mingħajr punt.
//= $special ?>