Futbol Sport

Suarez isalva punt għal Celta Vigo … rebħa għal Athletic Bilbao

(Ritratt: EPA)

Gowl lejn it-tmiem ta’ Denis Suarez salva punt lil Celta Vigo fi draw ta’ 1-1 kontra Sevilla. B’dan ir-riżultat, ġie mċaħħad iċ-ċans tat-tim ta’ Julen Lopetegui li jżomm il-bidu pożittiv, hekk kif Sevilla kienu rebħu l-ewwel żewġ logħbiet kontra Espanyol u Granada.

Huma kienu marru fil-vantaġġ fil-81 minuta b’Franco Vazquez ikompli għal ġewwa free-kick tal-Arġentin Ever Banega. Iżda Suarez li rritorna mal-klabb li lagħab miegħu meta kien iżgħar, iltaqa’ ma’ passaġġ ta’ Santi Mina u bil-kalma kollha ġab id-draw fl-84 minuta.

Fil-logħba l-oħra, Athletic Bilbao reġgħu rebħu quddiem il-partitarji tagħhom meta għelbu lil Real Sociedad 2-0 fis-San Mames. Inaki Williams fetaħ l-iskor fil-11-il minuta wara li rċieva mingħand Ander Capa, b’Raul Garcia jirdoppja l-iskor fit-28 minuta wara passaġġ ta’ Yuri Berchiche.