Lokali

AĠĠORNATA: Tinstab persuna mejta l-Mosta

Għall-ħabta tad-6.45 tas-Sibt filgħodu nstabet persuna mejta f’karozza quddiem il-poliklinika tal-Mosta. Jidher li r-raġel għandu madwar 50 sena u huwa ta’ nazzjonalita barranija.

Ir-raġel instab f’karozza tal-għamla Volkswagen fi Trejqa Paroċċa l-Mosta.

Minn informazzjoni li waslitilna jidher li r-raġel kien ma’ xi nies f’post fil-Qawra u intilef minn sensih iżda sakemm ittieħed iċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta, laħaq miet fil-karozza. Mhux magħruf jekk ir-raġel tħallhiex waħdu fil-karozza matul il-lejl. Sa diversi sigħat wara li r-raġel instab mejjet, il-karozza kienet għadha fil-parking taċ-ċentru tas-saħħa.

Il-katavru tar-raġel ittieħed lejn il-kamra mortwarja tal-Isptar Mater Dei fejn mistennija li ssirlu awtopsja sabiex tiġi stabbilita il-kawża tal-mewt tiegħu.

B’rabta ma’ dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, filwaqt li l-Pulizija tad-Distrett u diversi esperti oħra għadhom għaddejjin bl-invetigazzjonijiet tagħhom.

Tags