Internazzjonali

Mitluba maħfra lill-Polonja għat-‘tirannija tan-Nażi’

Il-President tal-Ġermanja, Frank-Walter Steinmeier, talab il-maħfra tal-Polonja għat-‘tirannija’ tal-eks Ġermanja Nażista — b’din it-talba sinifikanti ssir 80 sena wara l-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Steinmeier, flimkien ma’ mexxejja oħra tad-dinja, mar il-Polonja biex ifakkar il-bidu tal-konflitt storiku li kien sewa l-ħajja ta’ miljuni ta’ nies tul snin ta’ qerda u straġi.

Intant, kmieni llum, saret ċerimonja qrib il-belt Pollakka ta’ Wielun, fejn kienu niżlu l-ewwel bombi tan-Nażisti – bil-President Steinmeier jikkundanna ‘ix-xewqa għall-anniħilazzjoni’ li wasslet għal dan l-attakk. Dan waqt li Steinmeier ( hu u jitkellem bil-Ġermaniż u l-Pollakk) ‘baxxa rasu quddiem il-vittmi Pollakki tat-tirannija Nażista hu u jitlob skuża għad-dnubiet tal-passat’.

Waqt iċ-ċerimonja tkellem anki l-President Pollakk Andrzej Duda li kundanna l-attakk tal-Ġermanja Nażista fuq il-Polonja bħala ‘barbariżmu’. Hu sostna li l-attakk fuq Wielun, fil-fatt, kien jindika li ‘il-bidu ta’ gwerra totali u mingħajr regoli.’

Aktar tard illum, mexxejja oħra tad-dinja, fosthom il-Kanċiller tal-Ġermanja,Angela Merkel, ħadu sehem f’ċerimonja tal-okkażjoni fil-kapitali Pollakka, Varsavja.