Arsenal irkupraw minn żewġ gowls minn taħt biex kisbu draw ta’ 2-2 fid-derby ta’ Londra kontra Tottenham Hotspur. It-tim ta’ Pochettino mar fil-vantaġġ wara għaxar minuti b’Christian Eriksen jiskorja mill-viċin wara li l-gowlkiper Bernd Leno ma żammx xutt fil-baxx ta’ Erik Lamela.
Tottenham irduppjaw fl-40 minuta meta ngħataw penalty għal fawl ta’ Granit Xhaka fuq Heung-Min Son. Inkariga ruħu Harry Kane li għeleb lil Leno. Arsenal daħlu fil-logħba qabel tmiem l-ewwel taqsima b’xutt b’saħħtu tal-Franċiż Alexandre Lacazette biex fil-71 minuta s-solitu Pierre-Emerick Aubameyang ġab id-draw meta mattar siequ għall-kross ta’ Guendozi.
Fil-logħba l-oħra tal-lum, Everton kisbu rebħa importanti ta’ 3-2 f’Goodison Park kontra Wolves biex telgħu fis-sitt post tal-klassifika. Richarlison poġġa lil Everton minn fuq wara ħames minuti meta ħa vantaġġ minn żball difensiv iżda Wolves ġabu d-draw erba’ minuti wara permezz ta’ Romain Saiss.
Dan sakemm fit-12-il minuta, Alex Iwobi reġa’ poġġa lil Everton minn fuq b’daqqa ta’ ras. Raul Jimenez deher li jsalva punt għal Wolves kwarta mit-tmiem iżda Richarlison skorja l-gowl tar-rebħa fit-80 minuta b’daqqa ta’ ras għar-rokna.
//= $special ?>