Futbol Sport

Atletico Madrid idawru telfa f’rebħa u jibqgħu b’punti massimi … draw għal Real Madrid

(Ritratt: EPA)

Atletico Madrid baqgħu b’punti massimi wara tliet logħbiet b’rimonta mill-aqwa biex għelbu lil Eibar 3-2. It-tim ta’ Diego Simeone sofra l-ewwel gowl fil-kampjonat b’daqqa ta’ ras tal-attakkant veteran Charles wara seba’ minuti, qabel id-difensur Anaitz Arbilla rdoppja l-iskor fid-19-il minuta b’xutt li kien imxellef.

Iż-żagħżugħ Joao Felix daħħal lil Atletico Madrid fil-logħba tmien minuti wara meta skorja mill-viċin wara li rċieva mingħand Diego Costa. Dan kien l-ewwel gowl ta’ Felix f’La Liga. Huma ġabu d-draw kmieni fit-tieni taqsima b’konklużjoni fil-baxx ta’ Vitolo filwaqt li Costa kellu gowl imħassar għal offside.

Iżda Atletico Madrid skorja l-gowl rebbieħ fid-90 minuta, bil-midfielder Thomas Partey juri determinazzjoni biex issielet kontra żewġ difensuri fil-kaxxa qabel skorja. B’din ir-rebħa, Atletico Madrid huma l-uniku tim li rebaħ it-tliet logħbiet fil-kampjonat.

Gareth Bale spikka għal Real Madrid hekk kif skorja doppjetta u tkeċċa lejn it-tmiem fi draw ta’ 2-2 kontra Villarreal. Real Madrid kienu minn taħt wara 11-il minuta meta Sergio Ramos tilef il-ballun, b’Villarreal jaqbdu kontrattakk veloċi, b’Gerard Moreno jiskorja mir-rebound.

Bale ġab id-draw fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima meta kompla għal ġewwa mill-viċin wara kross ta’ Dani Carvajal, iżda Villarreal reġgħu marru minn fuq fl-74 minuta permezz ta’ Moi Gomez wara li Karim Benzema kellu gowl imħassar għal offside. Il-winger minn Wales ġab id-draw fit-88 minuta b’xutt fil-baxx fuq l-ewwel lasta sakemm irċieva żewġ karti sofor fil-ħin miżjud.