Sport Sport Ieħor

Federer mal-aħħar tmienja fl-Open tal-Istati Uniti b’rebħa faċli fuq David Goffin

(Ritratt: EPA)

Roger Federer għadda mingħajr diffikultà għall-kwarti tal-finali tal-Open tal-Istati Uniti b’rebħa ta’ 6-2, 6-2, 6-0 kontra David Goffin f’siegħa u 18-il minuta. L-Iżvizzeru li rebaħ fi Flushing Meadows ħames darbiet, kien minn taħt fl-ewwel set iżda rebaħ sitt logħbiet konsekuttivi biex ħa l-kontroll tal-partita.

Federer li għandu 38 sena, kellu 34 winners kontra t-tmienja ta’ Goffin. Mal-aħħar tmienja hu jilgħab kontra Grigor Dimitrov jew Alex de Minaur. Wara l-logħba Federer qal li l-avversarju tiegħu ma kellux l-aqwa ġurnata filwaqt li hu kellu jirkupra mentalment wara bidu ftit inċert.

Is-sid numru tlieta tilef l-ewwel set fiż-żewġ logħbiet f’dan it-tournament iżda fir-rawnd preċedenti għeleb lil Dan Evans f’siegħa u 20 minuta. Federer jinsab mal-aħħar tmienja f’New York għat-13-il darba u għadu fit-triq li jilgħab kontra Novak Djokovic fis-semifinali, f’dik li tkun l-ewwel logħba minn meta taw spettaklu fil-finali ta’ Wimbledon.

Jekk jirnexxilu jasal sal-finali għall-ewwel darba minn meta kien megħlub minn Djokovic fl-2015, hu jista’ jilgħab kontra l-Ispanjol Rafael Nadal għall-ewwel darba waqt finali tal-Open tal-Istati Uniti.

Rafael Nadal jinsab fir-raba’ rawnd wara rebħa ta’ 6-3, 6-4, 6-2 kontra l-Korean Chung Hyeon. Is-sena l-oħra, Nadal wasal sas-semifinali iżda kien sforzat li jirtira minħabba li weġġa’ l-irkoppa, u qed jimmira li jasal sal-finali għall-ħames darba.

Nick Kyrgios naqas li jaqbeż it-tielet rawnd għall-ewwel darba meta safa megħlub 7-6, 7-6, 6-3 kontra r-Russu Andrey Rublev. L-Awstraljan ta’ 24 sena kien 4-0 minn fit-tie-break tat-tieni set, qabel Rublev irkupra. Fir-rawnd li jmiss ir-Russu jilgħab kontra Matteo Berrettini.