Sport Sport Ieħor

FILMAT: Birżebbuġa determinati li jkunu l-isfidanti ewlenin ta’ Bormla fir-Regatta ta’ Jum il-Vitorja

Hekk kif ir-Regatta Tradizzjonali ta’ Jum il-Vitorja qed toqrob, id-distretti kollha jinsabu għaddejjin bl-aħħar preparamenti tagħhom. Fost l-isfidanti għar-rebħ tax-Shield hemm id-distrett ta’ Birżebbuġa li fl-aħħar snin kien fost l-aktar kompetittivi.

Kemm fl-2015 u s-sena l-oħra, Birżebbuġa rebħu l-Kategorija Open fir-Regatta tal-31 ta’ Marzu, iżda r-Regatta ta’ Jum il-Vitorja għadhom ma rebħuha qatt. Din is-sena, id-distrett ta’ Birżebbuġa jista’ jitqies bħala wieħed mill-isfidanti ta’ Bormla, anki b’xi tibdil li għamlu mill-aħħar Regatta ta’ Marzu, kif stqarr ma’ Net Sports, is-Segretarju tal-klabb Simon Micallef.

Hu qal li s-saħħa ta’ Bormla kulħadd jafha speċjalment f’dawn l-aħħar żewġ edizzjonijiet. Micallef kompla li huma konxji li minn Marzu li għadda għamlu xi ċaqliq u semma r-ritorn tal-eks qaddief Pawlu Grech li sejjaħlu bħala leġġenda fil-kanal. “Naħseb li aħna minn Marzu ‘l hawn għamilna kambjament ukoll, allura naħseb li nħoss iva li aħna sa nkunu ċ-challengers ta’ Bormla f’din ir-Regatta.”

F’dawn l-aħħar jiem, it-taħriġ tal-qaddiefa jkun kollu fuq il-baħar, hekk kif anki jkunu qed jittieħdu l-ħinijiet biex issir l-evalwazzjoni meħtieġa u jkunu preparati bl-aħjar mod possibbli biex it-tlielaq imorru skont l-aspettattiva tagħhom.