Charles Leclerc kiseb l-ewwel rebħa fil-karriera tiegħu hekk kif spiċċa fl-ewwel post fil-Grand Prix tal-Belġju fiċ-ċirkwit ta’ Spa Francorchamps. Din kienet ukoll l-ewwel rebħa tal-istaġun għal Ferrari, f’dik li kienet l-ewwel Grand Prix wara l-waqfa tas-sajf.
Lewis Hamilton spiċċa fit-tieni post segwit minn sieħbu ta’ Mercedes Valtteri Bottas. Is-sewwieq l-ieħor ta’ Ferrari Sebastian Vettel kellu jikkuntenta bir-raba’ post segwit minn Alexander Albon fl-ewwel tellieqa tiegħu ma’ Red Bull. L-Olandiż Max Verstappen kellu jirtira ftit sekondi wara l-ftuħ tal-Grand Prix minħabba li ntlaqat minn Kimi Raikkonen.
Sergio Perez ta’ Racing Point spiċċa fis-sitt post, b’Daniil Kvyat ta’ Toro Rosso, Nico Hulkenberg ta’ Renault, Pierre Gasly ta’ Toro Rosso u Lance Stroll ta’ Racing Point komplew l-ewwel għaxra. Lando Norris kien se jtemm fil-ħames post iżda waqaf ftit metri qabel it-tmiem tat-tellieqa.
Fil-klassifika, Hamilton żied il-vantaġġ tiegħu fuq Valtteri Bottas għal 65 punt bi tmien tiġrijiet għat-tmiem. Il-Grand Prix li jmiss issir il-ġimgħa d-dieħla fiċ-ċirkwit ta’ Monza fl-Italja.
It-tliet sewwieqa ma ċċelebrawx fuq il-podju wara l-mewt tas-sewwieq tal-Formula 2 Anthoine Hubert.
//= $special ?>