Internazzjonali

Il-Bahamas u l-Istati Uniti jħejju għal uragan perikoluż….

Il-Gżejjer Bahamas u l-Istati Uniti qed iħejju għall-impatt mill-Uragan Dorian li l-qilla tiegħu qed tkun ikkalkulata fuq bażi ta’ ‘maltempata ta’ kategorija erba’.

L-elementi ta’ ‘Dorian’, li dehru perikolużi għall-aħħar, mistennija jolqtu lill-Bahamas  qabel javvanzaw mill-kosta lejn il-Lvant tal-Istati Uniti. Dan waqt li r-residenti fi Grand Bahama qed jevakwaw lin-nies miz-zoni ‘fil-mira tal-uragan’ huma u jieħdu l-prekawzjonijiet għall-proprjetà fl-inħawi.

Sadanittant, l-ajruport internazzjonali ta’ Grand Bahama ( xi 84 kilometru ‘il minn Palm Beach, fi Florida) baqa’ miftuħ għalkemm l-awtoritajiet iddeċidew li jagħlqu l-ajruporti fil-gżejjer l-oħra fil-madwar.

Dan waqt li l-irwiefen ta’ ‘Dorian’ laħqu veloċità massima ta’ kważi 145 kilometru fis-siegħa.

Kelliema mal-US National Hurricane Center qed jistennew li l-maltemp mill-Uragan Dorian jgħaddi mill-Bahamas qabel jolqot il-kosta tal-Istati Uniti u partijiet minn Florida.

Intant, l-indikazzjonijiet kienu li l-Istat ta’ Florida x’aktarx li jeħles mill-‘agħar impatt’ tal-uragan, għalkemm il-maltemp sussegwenti mistenni jirriżulta bħala ‘l-aktar perikoluż fl-istorja riċenti’, minħabba l-qawwa u l-veloċità terribbli tal-irwiefen.