Lokali Saħħa

Il-politika tas-saħħa mentali trid tittieħed bis-serjetà

Hija sfortuna li f’pajjiżna l-politika tas-saħħa mentali m’hijiex tittieħed bis-serjetà bir-riżultat li l-poplu Malti u Għawdxi qed jiġi espost għal aktar riskji. Fi sfond ta’ ftaħir ta’ tkabbir ekonomiku, studju wara ieħor jixhdu li n-nies mhux talli mhux qed igawdu minn dan it-tkabbir iżda talli qed iħallsu b’saħħithom il-prezz għalih.

Dan reġa’ kien ikkonfermat fi studju tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Għajxien u tax-Xogħol, fejn irriżulta li Malta għandha t-tielet l-ogħla rata ta’ żgħażagħ bejn it-18 u l-24 sena (22%) li jinsabu f’riskju li taqbadhom dipressjoni. Għall-Partit Nazzjonalista din hija xejra inkwetanti ħafna u riflessjoni ċara tal-politika fallimentari tal-Gvern f’dan il-qasam.

Hija ħasra li f’sitt snin ta’ amministrazzjoni, dan il-qasam mhux talli ma’ marx ‘il quddiem iżda sfortunatament mar lura. Is-servizzi, l-faċilitajiet u l-infrastruttura f’dan is-settur huma tal-biki, u huma sinjal ċar tan-nuqqas ta’ prijorita’ li l-Gvern jagħti lil dan is-settur.

Screening fl-iskejjel jgħin biex taqbad l-ewwel sintomi ta’ mard mentali kmieni. Fil-fatt screening fost żgħażagħ ta’ 14-il sena jirriżulta li 50% jkunu diġa’ bdew juru sintomi ta’ problemi ta’ saħħa mentali. Meta dawn iż-żgħażagħ jilħqu l-età ta’ 20 sena, 75% jibdew juru l-ewwel sintomi. L-Oppożizzjoni ilha snin titlob lil Gvern biex jibda dan l-iscreening għax jekk naqbdu dan il-mard kmieni r-rata ta’ suċċess tkun ferm ogħla. Sfortunatament il-Gvern jidher li mhux interessat jibda dan l-iscreening

Aktar minn hekk il-politika tas-saħħa mentali ma’ tieqafx biss fl-ambitu kliniku u terapewtiku iżda hija wkoll riflessa f’aspetti oħra tat-tmexxija ta’ pajjiżna, b’mod partikolari dak li għandu x’jaqsam mal-kwalita tal-ħajja tal-poplu tagħna. Id-deterjorament fil-livell tal-għajxien f’pajjiżna huwa fatt li mhux ikkontestat, frott ta’ politika ekonomika mibnija fuq sfruttament ta’ kull rokna spazju miftuħ li għadha teżisti, konsum sfrenat, nuqqas ta’ tħaris tal-kundizzjoniujiet tax-xogħol u l-użu ta’ ħaddiema barranin biex jinżammu l-pagi baxxi. 

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jimbotta ‘il quddiem politika radikalment ġdida u innovattiva f’dawn l-oqsma li jħallu warajhom mudelli skaduti u jħaddmu miżuri li jpoġġu lin-nies fiċ-ċentru tagħhom. Fuq l-għatba tas-sena 2020, il-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu ħajja serena u kuntenta, f’ambjent nadif fejn is-saħħa tal-familji tiġi qabel il-flus u mhux bil-maqlub.