Lokali

Imut raġel li waqa’ mill-irdum t’Għajn Tuffieħa

Imut raġel li waqa’ minn fuq irdum t’Għajn Tuffieħa għall-ħabta tal-11.10 ta’ dalgħodu.

Għad mhux magħruf x’wassal għal dan l-inċident iżda jidher li x-xogħol li sar minn tim mediku kien kollu għalxejn hekk kif ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Jidher li xi turisti li kienu għaddejjin minn fuq l-istess irdum, viċin it-torri t’Għajn Tuffiegħa, innutaw il-persuna mejta taħt l-irdum. Jidher li fil-passaġġ ħdejn it-torri kien hemm xi affarijiet, maħsuba li huma affarijiet personali tar-raġel.

Minnufih fuq il-post issejħu l-Pulizija u ambulanza b’tim mediku, membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u membri mis-Salib l-Aħmar, kif ukoll tabib tal-emerġenza Jonathan Joslin sabiex jingħata l-assistenza meħtieġa. Sfortunatament, dan kien kollu għalxejn

Iż-żona fejn instab kienet waħda diffiċli biex wieħed jasal għaliha u b’hekk ħadu xi ħin biex waslu għalih. Hu ttieħed minn fuq il-post b’dgħajsa.

L-identità tal-persuna għadha mhix magħrufa.

Fuq il-post mar il-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud li fetaħ inkjesta maġisterjali filwaqt li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-investigazzjoni li tinsab għaddejja.