Imkejjen infurmati qrib il-Partit Laburista qed isostnu li l-Membru Parlamentari Ewropea Miriam Dalli naqqset ħafna mill-ħeġġa tagħha biex tippreżenta ruħha fil-ġirja ħalli tkun is-suċċessur ta’ Joseph Muscat fit-tmexxija tal-Labour.
Dawn is-sorsi qed jgħidu li hemm żewġ raġunijiet għaliex Miriam Dalli tidher li mhux se tkompli fit-tellieqa. L-ewwel raġuni hi li wara li nħatret il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, issa se tikkonċentra l-ħidma tagħha f’dan il-livell hekk kif, minn għada, tiftaħ sezzjoni ġdida wara l-waqfa tas-sajf.
Fl-istess ħin, raġuni oħra li qed tingħata għal dan it-telf ta’ interess min-naħa ta’ Miriam Dalli hu l-fatt li l-‘avversarji’ potenzjal tagħha huma t-tliet ministri li n-nies ta’ madwarhom qed jużaw l-incumbency tal-Ministeru biex jippruvaw jagħtu vantaġġ dejjem akbar liż-‘żiemel’ tagħhom.
F’dan ix-xenarju, in-nies ta’ Konrad Mizzi qed iħossu li bħalissa jinsabu fil-vantaġġ għaliex il-vojt ta’ Dalli mit-tellieqa, b’mod partikulari bl-appell tagħha għad-delegati u l-membri fl-inħawi tan-Nofsinhar ta’ Malta, jista’ jimtela’ faċilment mill-kandidatura ta’ Konrad Mizzi.
Hu f’dan is-sens li wieħed irid jikkunsidra l-party li l-Ministru ta’ Konrad Mizzi organizza fuq il-bejt tal-Istitut Kattoliku s-Sibt tal-ġimgħa l-oħra fl-okkażjoni tal-kunċert ta’ Joseph Calleja u li għalih kien mistiedna numru kbir ta’ delegati u membri laburisti.
Din it-tattika mhux ristretta għal Konrad Mizzi biss għaliex il-kontendent l-ieħor, il-Ministru Ian Borg qiegħed juża okkażjonijiet oħra tal-Ministeru tiegħu biex jagħmel prattikament l-istess ħaġa. In-nies ta’ Ian Borg qed jużaw il-proġetti ta’ toroq f’diversi nħawi ta’ Malta biex jipproġettaw lill-Ministru tagħhom fuq livell nazzjonali. Huma qed juzaw ukoll każini u ċentri soċjalisti biex iwaħħlu posters ta’ propaganda għal Ian Borg u “x-xogħol li qed iwettaq”.
Naturalment f’din il-ġlieda għat-tmexxija fil-Labour, Chris Fearne mhux qiegħed b’idejh marbuta tant li hu magħruf li hemm nies madwaru li qed jaħdmu fuq livell full-time fuq il-kandidatura tiegħu għas-suċċessjoni ta’ Muscat.
L-irtirar eventwali ta’ Dalli mit-tellieqa jħalli lill-Kastilja b’żewġ kandidati favoriti: Konrad Mizzi u Ian Borg, x’aktarx f’dik l-ordni.
Għalkemm ma jingħad xejn fil-miftuħ, qed tissaħħaħ il-konvinzjoni li fl-eventwalità tat-tluq ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri, iċ-Chief of Staff f’Kastilja, jibqa’ fil-pożizzjoni tiegħu taħt il-mexxej il-ġdid. Dan qed ikompli jsaħħaħ il-fiduċja li t-tim ta’ Konrad Mizzi fl-aħħar ġimgħat wera li għandu f’dan il-konfront dirett.
Filwaqt li Ian Borg għandu s-saħħa tiegħu fost id-delegati u l-membri laburisti fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, in-nies tiegħu huma fiduċjużi li hu jgawdi appoġġ akbar fost il-Ministri tal-Kabinett, fattur li jista’ jkun deċiżiv ukoll f’battalja bla ħniena għal kull vot potenzjali.
In-nies ta’ Chris Fearne, min-naħa tagħhom, xejn mhu qed iddejjaqhom li Kastilja hi daqstant favur iż-żewġ kandidati potenzjali l-oħrajn u tant bierda, jekk mhux għalkollox kontra, il-favorit tagħhom. Anzi dawn qed jirraġunaw li t-taqtiegħa bejn Mizzi u Borg taf tkun kruċjali biex Chris Fearne fl-aħħar ikun ir-rebbieħ hu.
L-aħħar żviluppi fit-taqtiegħa, s’issa virtwali, għas-suċċessur ta’ Muscat, qed jindikaw ukoll li qed tmut ftit ftit it-tama ta’ wħud fil-Partit Laburista li, għall-ewwel darba, il-Partit Laburista jkun immexxi minn mara.
Dan kollu qed iseħħ fost rapporti li Joseph Muscat qed jitlef l-‘aptit’ li jkompli fit-tmexxija minkejja li hemm ħafna madwaru li qed jagħmlu pressjoni biex il-partit ikun aktar ċar u deċiżiv fit-talba tiegħu biex Muscat ikompli… imqar sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.
//= $special ?>