Lokali

Infrastructure Malta tiċħad proposta valida minn grupp ambjentali

Grupp li ġie ffurmat bl-għan li jsalva l-ispazji miftuħa f’Santa Luċija ħareġ b’soluzzjoni alternattiva għall-iżvilupp li jixtieq jagħmel il-Gvern mit-Triq tal-Barrani, mingħajr ma tiġi żviluppata 3,500 metru kwadru ta’ art agrikola.

Iżda fid-dawl ta’ din is-soluzzjoni, il-Gvern sab kull skuża biex jibqa’ għaddej bil-proġett tiegħu kif ippjanah oriġinarjament.

Il-proposta li saret madwar xahar ilu minn dan il-grupp ambjentali kienet li minflok, issir mina ta’ 500 metru taħt it-Triq tal-Barrani, li twassal għar-roundabout ta’ Santa Luċija u li tirrikjedi ħafna anqas spazju ta’ art miftuħa.

Infrastructure Malta, f’laqgħa mal-grupp ambjentali, spjegat li l-proposta tagħhom hi teknikament possibbli iżda mhux vijabbli, għalkemm ma għamlet l-ebda analiżi tal-ispejjeż jew il-benefiċċji tagħha.

F’attentat ta’ disprament, Infrastructure Malta qalet li din is-soluzzjoni mhix possibbli minħabba x-xaqlib tat-triq li jkun wisq wieqaf biex jiġi ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea.

Iżda, skont il-grupp ambjentali, waħda mid-direttivi tal-Unjoni Ewropea turi biċ-ċar li dan mhux minnu.

Infrastructure Mata argumentat li mini bħal dawn jaf ikunu ta’ periklu fil-maltemp, iżda l-grupp ambjentali saħaq li hu minħabba dan il-fatt l-għaliex wieħed għandu jinstalla sistemi ta’ sigurtà li jikkontrollaw l-ilmijiet mill-għargħar …s l-istess sistemi li hemm fil-mini ta’ Santa Venera.

L-aħħar skuża ta’ Infrastructure Malta kienet li din il-proposta mhix tajba għax tkun qed iżżid l-ispejjeż tal-proġett bi 15-il miljun ewro. Iżda l-grupp ambjentali ġab l-argument li 15-il miljun ewro għandhom jitħallsu meta wieħed iħares lejn ir-riżultat tal-proġett tal-Gvern, li se jkun qed jissagrifika aktar minn 3,500 metru kwadru ta’ art agrikola.

Il-grupp ambjentali temm l-istqarrija billi qal li l-Gvern għandu kull dritt jirrifjuta l-proposta tagħhom, għalkemm għandu l-obbligu li jbiddel il-proġett minn kif inhu mfassal ħalli jissalvagwardja l-art agrikola li ttieħdet min-nies ta’ Santa Luċija u mill-Maltin kollha.