Inter, Torino u Juventus huma l-uniċi tliet timijiet b’punti massimi wara t-tieni ġurnata tal-kampjonat Taljan. Inter u Torino kisbu rebħiet diffiċli barra minn darhom filwaqt li Fiorentina u Sampdoria huma tnejn mill-ħames timijiet li għadhom mingħajr punt.
BERGAMO – Torino rkupraw mill-eliminazzjoni fl-Europa League u rebħu t-tieni konfront tagħhom. Huma għelbu barra minn darhom lil Atalanta 3-2. KEVIN BONIFAZI poġġa lil Torino minn fuq b’daqqa ta’ ras fl-24 minuta iżda fit-38 minuta, DUVAN ZAPATA ġab id-draw fit-38 minuta. L-istess DUVAN ZAPATA poġġa lit-tim ta’ Gasperini fil-vantaġġ fl-54 minuta b’azzjoni personali mill-aqwa li fiha ħarbat id-difiża avversarja qabel skorja b’xutt b’saħħtu. Torino ġabu d-draw tliet minuti wara b’azzjoni tajba li fiha ALEX BERENGUER skorja b’xutt għar-rokna. Il-gowl tar-rebħa wasal fis-66 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ ARMANDO IZZO.
CAGLIARI – Inter kisbu t-tieni rebħa minn żewġ logħbiet wara li b’diffikultà għelbu lil Cagliari 2-1 f’Sardenja. Inter fetħu l-iskor fis-27 minuta meta minn kross ta’ Stefano Sensi, LAUTARO MARTINEZ u Alberto Cerri għolew flimkien bil-ballun jispiċċa fir-rokna tax-xibka, gowl li kien konfermat bil-VAR minħabba l-pożizzjoni ta’ Martinez. Cagliari fetħu t-tieni taqsima bl-aħjar mod u ġabu d-draw fil-50 minuta meta JOAO PEDRO żmarka ruħu u għeleb lil Samir Handanovic b’daqqa ta’ ras wara kross mil-lemin. Inter laqtu l-lasta minn free-kick ta’ Stefano Sensi, bl-istess plejer jirbaħ penalty fit-72 minuta wara li twaqqa’ fil-kaxxa minn Fabio Pisacane. Mill-11-il metru nkariga ruħu ROMELU LUKAKU li għeleb lil Robin Olsen.
ĠENOVA – Genoa kisbu rebħa importanti hekk kif wara d-draw ta’ 3-3 kontra Roma fl-ewwel logħba, għelbu lil Fiorentina 2-1, b’tal-aħħar isofru t-tieni telfa konsekuttiva. Wara li Cristian Romero laqat il-lasta, ftit sekondi wara Genoa fetħu l-iskor fil-11-il minuta b’daqqa ta’ ras ta’ CRISTIAN ZAPATA. Genoa rduppjaw fil-65 minuta meta CHRISTIAN KOUAME l-ewwel ikkontrolla ballun fit-tul, qabel avvanza, għamel spazju għalih u skorja b’xutt fil-baxx. Fiorentina naqqsu d-distakk fis-76 minuta minn penalty ta’ ERICK PULGAR.
RUMA – Lazio u Roma spiċċaw fi draw ta’ 1-1 fid-derby ta’ Ruma, f’logħba pjaċevoli. Sal-ewwel 25 minuta, iż-żewġ timijiet laqtu l-lasta ħames darbiet, b’Lucas Leiva, Ciro Immobile u Joaquin Correa jolqtu l-lasta għal Lazio filwaqt li Nicolo Zaniolo ġie mċaħħad darbtejn. Fis-17-il minuta Roma ngħataw penalty wara li l-ballun mess ma’ id Sergej Milinkovic-Savic minn passaġġ ta’ Edin Dzeko. Mill-11-il metru l-eks ALEKSANDAR KOLAROV għeleb lil Thomas Strakosha. Lazio ġabu d-draw fit-58 minuta meta LUIS ALBERTO rċieva passaġġ mingħand Ciro Immobile u għeleb lil Pau Lopez mill-kaxxa. Lazio laqtu l-lasta għal darba oħra fis-86 minuta b’xutt ta’ Marco Parolo li heżżeż il-lasta.
LECCE – Verona komplew il-bidu pożittiv tagħhom meta għelbu lil Lecce 1-0 f’konfront dirett. Il-gowl deċiżiv wasal fil-81 minuta b’gowl ta’ MATTEO PESSINA wara li rċieva mingħand Mattia Zaccagni.
SASSUOLO – Tasal l-ewwel rebħa għal Sassuolo li ġabu fix-xejn lil Sampdoria 4-1, b’tal-aħħar isofru t-tieni telfa konsekuttiva wara li kienu megħluba 3-0 minn Lazio fl-ewwel ħarġa tagħhom. Protagonist għal Sassuolo kien DOMENICO BERARDI li skorja tripletta bejn id-29 u t-43 minuta. Sampdoria sfaw jilagħbu b’raġel anqas qabel tmiem l-ewwel taqsima meta tkeċċa b’karta ħamra diretta Ronaldo Vieira. FABIO QUAGLIARELLA naqqas id-distakk minn penalty fis-67 minuta.
UDINE – Parma kisbu l-ewwel rebħa tal-kampjonat wara li għelbu lil Udinese 3-1 fid-Dacia Arena. Kienu Udinese li fetħu l-iskor fis-17-il minuta permezz ta’ KEVIN LASAGNA. GERVINHO ġab id-draw fit-43 minuta, RICCARDO GAGLIOLO poġġa lil Parma minn fuq fid-59 minuta b’daqqa ta’ ras biex l-attakkant ROBERTO INGLESE għalaq il-logħba kwarta mit-tmiem wara li rċieva mingħand Gervinho.
Serie A
Il-Ġimgħa: Bologna v Spal 1-0
Is-Sibt: Milan v Brescia 1-0, Juventus v Napoli 4-3
Il-Ħadd: Atalanta v Torino 2-3, Cagliari v Inter 1-2, Genoa v Fiorentina 2-1, Lazio v Roma 1-1, Lecce v Verona 0-1, Sassuolo v Sampdoria 4-1, Udinese v Parma 1-3
//= $special ?>