Futbol Sport

It-13-il rebħa konsekuttiva fil-kampjonat tħalli lil Liverpool fil-quċċata

Liverpool kisbu t-13 il rebħa nfila fil-kampjonat (rekord għal klabb) u r-raba waħda nfila dan l-istaġun wara li barra minn darhom għelbu lil Burnley 3-0 biex baqgħu l-unika tim fl-Ingilterra b’punti massimi.

Liverpool fetħu l-iskor fit-33 minuta wara li dak li deher li kien kross insidjuż minn Trent Alexander Arnold ġie devjat għal ġewwa mid-difensur Chris Wood. Erba’ minuti wara Sadio Mane għamilhom 2-0 filwaqt li 10 minuti mit-tmiem Roberto Firmino issiġġilla r-rebħa għaċ-Champions Ewropej.

Minn naħa tagħhom iċ-Champions Ingliżi Manchester City ma tantx tħabbtu biex f’darhom għelbu lil Brighton 4-0 bil-gowls jaslu minn Kevin De Bruyne wara żewġ minuti u Sergio Aguero li skorja doppjetta fit-42 u l-55 minuta filwaqt li Bernardo Silva għamilhom 4-0 11-il minuta mit-tmiem.

Diżappunt ieħor għal Manchester United li aktar kmieni fil-ġurnata ġew mimuma draw ta’ 1-1 barra minn darhom minn Southampton. Minkejja li lgħabu għal aktar minn 17-il minuta b’raġel aktar peress li tkeċċa Kevin Danso wara li ġie muri t-tieni karta safra, r-Red Devils sabuha ferm diffiċli li jinfdu d-difiża avversarja.

Minkejja li Daniel James poġġa lill-United fil-vantaġġ b’gowl mill-isbaħ, il-United anke jekk kellhom ħafna pusses rari setgħu jinfdu lid-difiża avversarja biex jagħlqu l-partita. Għal dan pattew qares peress li Jannik Vestergaard għola tajjeb fuq Victor Lindeloff, li reġa’ ddiżappunta fid-difiża, u b’daqqa ta’ ras ġab id-draw.

Il-United tefgħu kollox fuq l-attakk iżda d-difiża ta’ Southampton żammet sod sa l-aħħar biex intrebaħ punt prezzjuż. Tim ieħor li qed ibati biex isib ir-rittmu huwa Chelsea li bħas solitu wara bidu tajjeb, qegħdin inaqqsu mir-rittmu tagħhom.

Doppjetta ta’ Tammy Abraham fid-19 u t-43 minuta kontra t-tim promoss ta’ Sheffield United deher li se jwitti t-triq għar-rebħa għat-tim minn Londra. Madankollu fit-tieni taqsima l-United għamlu partita mill-aqwa fejn iddominaw għall-ħinijiet twal nofs il-grawnd u anke rnexxielhom jiskurjaw darbtejn u jirbħu punt vitali b’gowls ta’ Callum Robinson fl-46 minuta u ‘awto gowl’ ta’ Kurt Zouma minuta mit-tmiem.

Watford ħadu l-ewwel punt tal-istaġun meta ħadu punt fis-James Park kontra Newcastle fi draw ta’ 1-1. Kien Will Hughes li tefa’ lil Hornets fil-vantaġġ wara biss żewġ minuti bin-Newcastle jsalvaw il-logħba erba’ minuti mill-mistrieħ b’gowl ta’ Fabian Schar.

Leicester City komplew jibnu fuq il-bidu tajjeb tal-istaġun tagħhom wara li għelbu 3-1 lil Bournemouth. Kien Jamie Vardy li fit-12-il minuta ta vantaġġ lis-City iżda Callum Wilson ġab id-draw tliet minuti wara.

Yuri Tielemans fl-41 minuta għamilhom 2-1 u minn hemm Leicester ħadu s-sopraavvent tal-partita biex għal darba oħra kien l-internazzjoni Ngliż Jamie Vardy li serraħ ras il-partitarji b’gowl ieħor fit-73 minuta.

Wara r-rebħa ta’ ġimgħa ilu f’Old Trafford, Crystal Palace reġgħu rebħu din id-darba f’darhom kontra Aston Villa. It-tim ta’ Roy Hodgson kienu mgħejjuna wkoll mill-fatt li l-Villians kellhom lil Trezeguet imkeċċi fl-54 minuta wara li ġie muri t-tieni karta safra.

Il-gowl tar-rebħa għal Palace skorjah Jordan Ayew fit-73 minuta. Fil-partita l-oħra West Ham United għelbu lit-tim promoss ta’ Norwich City 2-0 b’gowl kull taqsima. Kien Sebastian Haller fl-24 minuta li ta l-vantaġġ lill-Hammers u Andriy Yarmolenko jiskorja t-tieni wieħed fil-56 minuta.

Il-Ħadd il-kampjonat Premier Ingliż ikompli l-Ħadd fejn fit-3.00 pm jilgħabu Everton kontra Wolverhampton Wanderers u fil-5.30, il-partitissima tal-ġimgħa, d-derby ta’ Londra fl-Emirates Stadium bejn Arsenal u Tottenham Hotspur.