It-Taqsima ta’ Sigurtà Massima fil-Ħabs ta’ Kordin tidher li mhi sigura xejn hekk kif żewġ priġunieri ta’ ‘awtorità għax ippreferuti’, reġgħu kienu protagonisti fi ġlieda kbira bi tpattija ta’ ġlieda oħra li seħħet ftit tal-ġimgħat qabel u li wasslet biex George Degiorgio, magħruf bħala ‘Iċ-Ċiniż’, ittieħed l-isptar għall-kura.
Is-sitwazzjoni ta’ kriżi serja li tinsab fiha din id-diviżjoni fil-Ħabs ta’ Kordin qed twassal għal waħda li fiha jidher dejjem aktar kif intilef kull kontroll tal-priġunieri f’din it-taqsima.
George Degiorgio, flimkien ma’ ħuħ Alfred Degiorgio mlaqqam ‘Il-Fulu’ u Vincent Muscat imlaqqam ‘Il-Koħħu, hu akkużat bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017.
Fl-aħħar ġlieda li seħħet f’din id-diviżjoni bi tpattija għal ġlieda oħra li seħħet qabel, hu allegat li wara l-inċident li fih kien involut George Degiorgio, Marco Pace, magħruf bħala ‘Il-Pinzell’, ta xebgħa kbira lil David Norbert Schembri li hu kundannat għal għomor il-ħabs fuq qtil brutali tal-eks sieħba tiegħu.
Sorsi qrib il-Ħabs ta’ Kordin qalu lil il-mument li l-aħħar ġlieda kienet waħda vjolenti u kienet ippjanata bi tpattija ta’ inċident ieħor gravi li seħħ ftit tal-ġimgħat qabel meta David Norbert Schembri kien talab il-misħun għall-kafè biex jidħol fiċ-ċella u jinqafel. Iżda l-pjan ta’ David Norbert Schembri jidher li kien differenti għaliex meta ngħatalu l-misħun, tefgħu fid-direzzjoni ta’ George Degiorgio li samtu b’konsegwenza li kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura.
Lura mill-ġdid fil-Ħabs fid-diviżjoni ta’ sigurtà massima wara li George Degiorgio ngħata l-kura fl-Isptar Mater Dei, il-kwistjoni bejn Degiorgio u David Norbert Schembri kompliet teskala. Sorsi qrib il-ħabs ikkonfermaw lil il-mument li seħħet ġlieda oħra kbira. F’din il-ġlieda li fiha hu mifhum li kienu involuti diversi priġunieri oħrajn, David Norbert Schembri qala’ xebgħa kbira mingħand Marco Pace.
Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument esprimew it-tħassib serju dwar il-kontroll li jidher li ntilef mill-awtoritajiet tal-ħabs f’din id-diviżjoni sensittiva u ta’ sigurtà massima. L-indikazzjoni kollha huma li l-inkwet qiegħed jinqala’ b’rabta ma’ min ikun jidher li qed jiġi preferuti l-iktar f’din id-diviżjoni tant sensittiva u ta’ tensjoni kontinwa.
Jirriżulta li dan l-inkwiet kollu beda jeskala hekk kif Degiorgio kien qed jidher li qed jiġi l-aktar preferut, u preferut aktar minn David Norbert Schembri.
F’Diċembru tal-2017, il-Qorti tal-Appell ikkonfermat is-sentenza t’għomor ħabs lil David Norbert Schembri li lura fl-2009 instab ħati li fl-2004 qatel brutalment lil eks sieħba tiegħu quddiem binthom ta’ seba’ snin, b’49 daqqa ta’ sikkina. David Norbert Schembri, kien instab ħati b’verdett ta’ 8 kontra 1.
//= $special ?>