Awto gowl ta’ Koulibaly fid-92 minuta żarma r-rimonta mpressjonanti li għamlu Napoli kontra Juventus barra minn darhom meta minn 3-0 minn taħt irnexxielhom iġibu d-draw wara li t-tim ta’ Carlo Ancelotti lgħab tieni taqsima mpressjonanti.
Fl-ewwel inkontru bejn żewġ tims li għandhom ikunu protagonisti, kull min segwa l-partita żgur li raha spettaklu. L-azzjonijiet kienu kontinwi u setgħu wkoll saru mill-anqas erba’ gowls oħra.
Il-Juventus iddominaw l-ewwel taqsima u kien Danilo li fis-16-il minuta fetaħ l-iskor. Danilo kien ilu biss 26 sekonda fil-grawnd wara li daħal flok l-imweġġa De Sciglio (problemi muskolari). Tliet minuti wara skorja l-eks Naplita Higuain biex fit-62 minuta Cristiano Ronaldo deher li kien għalaq il-partita meta għamilhom 3-0.
Bejn dawn il-gowls Juventus setgħu skorjaw aktar, Khedira kien perikoluż darbejn meta l-ewwel falla ċans minn quddiem il-lasti u anke kellu tentattiv mal-mimduda.
Kollox deher mitluf għal Napoli iżda f’temp ta’ żewġ minuti huma għamluhom 3-2 meta fis-66 u 68 minuta skorjaw Kostas Manolas u l-Messikan Hirving Lozano, fiż-żewġ azzjonijiet li fetħu d-difiża Juventina beraħ.
Disa’ minuti mit-tmiem l-imposibbli sar possibbli meta Giovanni Di Lorenzo ġab id-draw għal Napoli. Imma kien fadal aktar drama għaliex fit-92 minuta s-sostitut Paolo Dybala llobbja free-kick fil-kaxxa avversarja u Kalidou Koulibaly fit-tentattiv li jikklerja tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.
Sadanittant f’partita li saret aktar kmieni Milan kisbu l-ewwel rebħa fil-kampjonat meta għelbu 1-0 lil Brescia bil-gowl jasal minn Hakan Calhanogolu fit-12-il minuta.





