Atletika Sport

L-atleta Jordan Gusman jista’ jikkompeti għal Malta

(Ritratt: Kumitat Olimpiku Malti)

Wara xhur ta’ stennija, waslet l-uffiċjalità li l-atleta Jordan Gusman se jkun jista’ jikkompeti għal Malta. Dan hekk kif l-IAAF tat il-konferma tagħha biex l-atleta ta’ 25 sena ma jibqax itellaq f’isem l-Awstralja u jibda uffiċjalment jifforma parti mit-tim tal-atletika ta’ Malta.

Gusman diġà kkompeta f’isem Malta fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru fil-Montenegro bejn l-aħħar ta’ Mejju u l-bidu ta’ Ġunju. Hemm rebaħ b’mod konvinċenti l-midalja tad-deheb fil-5,000 u l-10,000 metru u l-fidda fl-1,500 metru biex sar l-ewwel atleta Malti li għamel dan fl-istorja ta’ dawn il-Logħob.

Gusman kien mistenni jikkompeti fil-Kampjonati tad-Dinja li se jsiru fil-kapitali tal-Qatar Doha, bejn is-27 ta’ Settembru u s-6 ta’ Ottubru iżda minħabba li għandu xi injuries żgħar iddeċieda li jieħu ż-żmien tiegħu biex jirkupra minnhom. L-impenn li jmiss tiegħu se jkun fil-Kampjonat Ewropew tal-Cross Country f’Diċembru fil-Portugall.

F’kuntatt li dan is-sit għamel ma’ Gusman, hu qal li t-trasferiment tiegħu ġie b’effett immedjat mill-21 ta’ Awwissu u għalhekk f’kull kompetizzjoni li jikkompeti għandu ċans li jikser ir-rekords nazzjonali, kif hu mistenni li jagħmel. Jordan Gusman se jkun qed jiffoka fuq it-tlielaq tal-5,000 metru iżda wara l-Olimpjadi tas-sena d-dieħla f’Tokyo, teżisti probabbiltà li jtellaq aktar tlielaq fl-10,000 metru.

Hu mhux se jkun qed joqgħod f’pajjiżna b’mod permanenti iżda minħabba l-impenji tiegħu l-atleta jagħmel aktar żmien barra l-Awstralja fejn jgħix. Matul din is-sena hu kien fl-Ewropa u fl-Istati Uniti aktar milli kien f’daru.

Kif iddeċieda li jrid jikkompeti f’isem Malta

L-għażla li Gusman jibqa’ jikkompeti għal Malta kienet minħabba raġunijiet familjari. In-nannu tiegħu li hu Malti, marad bil-marda tal-kanċer u għalhekk kien qed jispiċċa ż-żmien tiegħu li jżomm mal-wegħda li kien għamel meta kien żgħir li jtellaq f’isem pajjiżna.

Il-pjan oriġinali kien li jikkompeti għal Malta wara li jkun għadda l-aħjar żmien tal-karriera mal-Awstralja u jibda jtellaq fil-maratoni. Gusman beda l-proċeduri billi f’April talab li jkun rilaxxat minn Athletics Australia, bl-assoċjazzjoni rrispettat ix-xewqa tiegħu.

Iżda l-affarijiet ma kinux daqshekk sempliċi mal-IAAF minħabba li b’mod naturali jkunu dubjużi fuq atleti li jimmiraw lejn nazzjonijiet żgħar biex jieħdu triq eħfef u jieħdu sehem fl-akbar kompetizzjonijiet tal-atletika. Gusman saħaq li għalkemm Malta jkollha wild card skont id-diskrezzjoni tagħha, hu jrid li jieħu sehem biss jekk jikkwalifika bid-dritt.

Ġeneralment, l-atleti b’ċittadinanza doppja jkunu jistgħu jagħżlu ma’ liema pajjiż ikunu jridu jirrappreżentaw. Iżda fl-2012, hu kien ħa sehem f’isem l-Awstralja fil-Kampjonati taż-Żgħażagħ tal-Oċeanja fejn kien rebaħ it-800 metru. Din it-tellieqa serviet ta’ ostaklu akbar għalih. In-nannu tiegħu miet ftit ġimgħat ilu iżda Gusman laħaq ikkompeta għal pajjiżna fil-Montenegro. B’hekk il-ħolma tan-nannu li jarah jikkompeti għal Malta seħħet realtà, f’mument emozzjonanti għal Jordan Gusman.