Victoria Hotspurs 0 Nadur Youngsters 3
Wara s-suċċessi ta’ Victoria Hotspurs fl-aħħar snin, b’dawn anke jirbħu d-d’double’ l-istaġun li għadda, Nadur Youngsters li għamlu diversi akkwisti dan l-istaġun biex jerġgħu jkunu sfidanti w anke jerġgħu jiksbu l-fama tal-aħjar tim, hekk seħħ għaliex huwa għelbu liċ-Champions fis-Super Cup b’mod faċli.
Kienet partita mill-isbaħ b’sapport kbir miż-żewġ naħat biċ-celebrazzjonijet finali jkunu tal-partitarji ta’ Nadur Youngsters li kienu qegħdin jirbħu l-ewwel unur ewlieni fil-futbol Għawdxi wara erba’ snin.
L-istaġun tal-futbol f’Għawdex għall-istaġun 2019-2020 beda uffiċjalment il-Ġimgħa filgħaxija bil-finali tas-Super Cup. Iċ-Champions u rebieħa tal-BOV GFA Cup Victoria Hotspurs, ma kellhhomx risposta għall-modulu tekniku tat-tim ta’ Nadur Youngsters li kienu finalisti telliefa tal-BOV GFA Cup.
Nadur Youngsters taw twissija serja w ikonfermaw li jkunu għandhom sfidanti serji għall-unuri ewlenin tal-futbol Għawdxi fejn rebħu l-ewwel unur tal-istaġun, it-tmien darba fl-istorja tagħhom li rebħu dan l-unur.
Nadur mhux biss rebħu 3-0 iżda anke kienu sfortunati meta laqtu tliet darbiet il-lasti permezz ta’ Marcelo Barbosa, Predrag Dordevic u Shaun Attard.
Nadur marru fil-vantaġġ minuta qabel il-mistrieħ meta r-referee Matthew Degabriele ta penalty għall-‘hands’ tad-difensur Jason Pace fuq kross u mill-11-il metru MARCELO BARBOSA ma fallhiex.
Victoria Hotspurs ma setgħux jinfdu d-difiża avversarja, anzi kienu Nadur li baqgħu jiddettaw il-logħba u ma kienitx sorpria meta għamluhom 2-0. Kien fl-54 minuta li d-debutant JOHAN ALBERTO CASTANO ma fallhiex wara kross preċiż u fil-baxx ta’ Marcelo Barbosa.
Nadur issiġġillaw ir-rebħa fl-74 minuta meta minn xutt angolat ta’ CHRIS CAMILLERI li qarraq għal kollox bil-gowlkiper avversarju. Victoria Hotspurs setgħau skorjaw il-gowl tal-bandier fit-84 minuta meta ngħataw penalty għal ‘hands’ ta’ Castano f’azzjoni konfuża fil-kaxxa ta’ Nadur.
Mandankollu Elton Da Silva raha t-tentattiv tiegħu mill-11-il metru jaħbar ma’ sieq il-lasta. Fi tmiem il-partita saret il-presentazzjoni tat-tazza BOV flimkien ma’ midalji lill-plejers u uffiċjali tal-logħba.