Lokali

Omm tittieħed l-isptar; tarbija ssofri ġrieħi ħfief

Omm u binha sofrew xi ġrieħi f’inċident li seħħ bejn żewġ karozzi fil-Manikata.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-11.30 ta’ dalgħodu meta għal xi raġuni kien impatt bejn Landrover u karozza tat-tip Daihatsu fi Triq il-Manikata.

Il-karozza Hatsu kienet misjuqa minn raġel ta’ 36 sena, filwaqt li miegħu kien hemm żewġ passiġġiera, mara ta’ 31 sena u tarbija ta’ sena, kollha minn Ħal Qormi. Il-Landrover kienet misjuqa minn anzjan ta’ 62 sena mir-Rabat.

It-tifel ingħata l-assistenza medika fuq il-post għal xi ġrieħi ħfief li sofra filwaqt li l-omm ittieħdet minnufih l-Isptar Mater Dei biex tingħata l-kura meħtieġa.

Il-kundizzjoni tal-mara għadha mhix magħrufa filwaqt li s-sewwieqa ma sofrew l-ebda feriti.