Lokali Mużika

Philip Vella jirbaħ l-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta ‘Il-Verità’

Il-kantawtur Philip Vella rebaħ it-43 edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta “Il-Verità”, bi kliem u mużika tiegħu stess.

Philip Vella hu wieħed mill-aktar kompożituri promettenti f’pajjiżna, bi premijiet mirbuħa li jinkludu l-Kanzunetta Maltija Għall-Ewropa u anke l-Konkors Kanzunetta Indipendenza, fost l-oħrajn.

F’kummenti lil NET News, hu spjega kif iħossu wara li rebaħ dan il-premju prestiġġjuż.

Fil-passat, il-kantawtur Mellieħi pparteċipa wkoll f’diversi kompetizzjonijiet barra minn xtutna, fosthom l-Olanda, il-Bulgarija u r-Rumanija.

Ma’ NET News, Vella rrefera għan-nuqqas ta’ kanzunetti Maltin, filwaqt li esprima x-xewqa tiegħu biex fil-futur ikompli jikkontribwixxi u jibda jimla dan il-vojt.

Fis-serata finali tal-Għanja tal-Poplu kien hemm 16-il kanzunetta finalista, li ntgħażlu minn fost 111 li pparteċipaw matul il-proċess kollu.

Għas-serata kien hemm bosta mistednin speċjali, filwaqt li l-finalisti kienu akkumpanjati mill-Malta Concert Orchestra b’40 mużiċist, taħt it-tmexxija tal-Maestro Joe Brown u Pawlu Abela.

Fit-tieni post, ġiet ikklassifikata l-kanzunetta “Tfewwaħ”, interpretata u miktuba minn Cherylis, li rebħet ukoll il-premju tal-aħjar kantawtur.

Il-kanzunetta “Minn Kajfas għal Għand Pilatu” ġiet fit-tielet post, kantata minn Rachel Lowell, bi kliem u mużika tagħha stess. Il-kanzunetta rebħet ukoll il-premju tal-aktar kanzunetta oriġinali.

Janice Mangion rebħet il-premju għall-interpretazzjoni għall-kanzunetta “Għadu Mhux il-Waqt”.

Sadanittant, il-kantanti Hooligan u Mike Spiteri ngħataw rikonoxximent għall-impenn tagħhom favur il-kanzunetta Maltija.