Il-bidu ta’ Settembru ġab miegħu l-ilma fuq il-gżejjer Maltin, fost previżjonijiet li s-smewwiet setgħu anke jixgħelu b’xi sajjetta f’xi ħinijiet.
U mhux ta’ b’xejn … għax f’Settembru nsellmu l-istaġun tas-Sajf u nagħtu merħba lill-istaġun tal-Ħarifa, li hu pass eqreb lejn ix-Xitwa.
Iżda din ma kinitx l-unika ħalba xita matul dan is-Sajf. Tant hu hekk, li l-aħħar jiem – l-aħħar ġranet ta’ Awwissu – kienu kkaratterizzati minn ħalba tax-xita.
B’dan ma waqqafx lin-nies milli jżuru d-diversi bajjiet li jsebbħu pajjiżna, tant li eluf marru bi ħġarhom biex igawdu l-baħar għall-aħħar jiem sħan tas-Sajf.
Wara x-xita tal-Ħadd, għall-jiem li jsegwu qed tkun imbassra aktar xita, fosthom ħalbiet qawwija f’xi ħinijiet. Anke għall-Ħadd kien previst dan, iżda l-gżejjer Maltin qalgħu biss doċċa ħafifa bi ftit irxiex.
Dan aktarx minħabba d-daqs żgħir ta’ pajjiżna, bil-maltemp li ġie minn fuq Sqallija u n-nofsinhar tal-Italja iddawwar mir-riħ u qabiżna.
F’temp bħal dan, is-sewwieqa jibqgħu mħeġġa biex isuqu b’aktar attenzjoni għax it-toroq jistgħu jkunu ta’ periklu minħabba ż-żlieq, li jipperikola t-toroq, u b’hekk jevitaw li jseħħ xi inċident.
Iżda min jaħseb li s-sħana tas-Sajf ħallietna, żgur ma jafx x’qed jgħid. Għax l-indiċi tar-raġġi UV mistenni jibqa’ għoli, minkejja li f’dawn il-jiem, it-termparaturi jistgħu jitbaxxew xi ftit. B’hekk, wieħed xorta għandu jevita x-xemx fl-eqqel tagħha, jiġifieri bejn il-ħdax ta’ filgħodu u l-erbgħa ta’ waranofsinhar.
U minkejja li m’għamlitx ħafna xita, l-istabbiltà fit-temp ħolqot biża’ mill-gruppi li organizzaw il-Festi fi tmiem din il-ġimgħa, minħabba l-ħsarat li setgħu seħħew fl-armar.
NET News tkellem ma’ persuni qrib il-Festi ta’ San Girgor f’Tas-Sliema, ta’ Santa Katerina fiż-Żurrieq u tal-Madonna Ta’ Loreto f’Għajnsielem, li qalulna li l-programmi mħejjija għal Jum il-Festa ma ntmessx u kollox baqa’ miexi kif kien ippjanat.
Ix-xita ma tidhirx li kienet ta’ problema għal dawk responsabbli mill-armar tal-Festi fid-diversi lokalitajiet, għalkemm ir-riħ kien aktar ta’ xkiel, fosthom għall-Festi ta’ Ħad-Dingli u tal-Imġarr. Dan hekk kif l-armar kellu jintrama xi jiem wara ssoltu minħabba r-riħ qawwi li ħakem dawk il-jiem.
Iżda għal dawk li jħobbu s-Sajf? Tinkwetawx, fi tmiem il-ġimgħa l-ġdida, hu mbassar li se terġa’ tfeġġ ix-xemx u wieħed ikun jista’ jgawdi dawn il-jiem ħdejn il-baħar.
//= $special ?>