Internazzjonali

Sparatura f’Texas – Numru ta’ persuni maqtula

Talanqas ħames persuni nqatlu, b’ħafna oħrajn jisfaw midruba waqt sparatura – it-tieni waħda f’xahar – li saret fi tmiem il-ġimgħa fl-Istat ta’ Texas.

L-aggressur responsabbli, wara, spiċċa maqtul mill-pulizija waqt li kien qiegħed ġo kumpless taċ-ċinema, bl-awtoritajiet jibqgħu ma jiżvelawx l-intenzjonijiet li seta kellu l-qattiel huma u għaddejjin bl-investigazzjoni.

Ir-raġel armat, li kellu bejn it-30 u l-40 sena, l-ewwel spara fuq pulizija li – flimkien ma’ kollega — kien waqqfu bil-karozza fi triq prinċipali bejn l-ibliet ta’ Midland u Odessa.

Wara li fetaħ in-nar fuq l-uffiċjal, l-aggressur saq ‘il hinn u, mal-ħin, qabad jispara lejn diversi sewwieqa u nies innoċenti li nzerta fil-viċinanzi.

Hu imbagħad abbanduna l-karozza tiegħu u seraq trakk ‘qabel kompla bl-isparatura indiskriminattiva’ u sakemm hu inqatel mill-pulizija.

Ir-rapporti qalu li madwar 20 spiċċaw midruba, bi tlieta minnhom ikunu pulizija, għalkemm mhux il-feruti kollha ġarrbu t-tiri.

Ingħad li numru ta’ midruba weġġgħu wara li ntlaqtu mill-ħġieġ wara li t-tiri sparati lejhom kienu faqgħulhom it-twieqi tal-karozzi.

L-awtoritajiet tal-pulizija esprimew xokk ‘għal azzjoni daqstant bla sens li kellha tissarraf fit-telf ta’ ħajja innoċenti’.

Dan waqt li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li kien qed jinżamm aġġornat bid-dettalji tal-isparaturi f’Texas.

Aktar tard, il-Viċi-President Amerikan Mike Pence qal li hu u l-Gvern tal-President Trump ‘jinsab determinati aktar minn qatt qabel biex jaħdem mal-kapijiet tal-partiti fil-Kungress bil-għan li jittieħdu passi biex jindirizzaw il-pjaga tal-isptaraturi tal-massa fl-Istati Uniti’.