L-Uffiċjali li qed jinvestigaw attakk li seħħ jiem ilu fuq il-qattiel tas-Senatur Robert F Kennedy ma żvelawx dettalji dwar ‘l-iskop wara l-aggressjoni’, b’dan il-każ qed iġedded il-memorji ta’ assassinar li kien ixxokkja lid-dinja.
Il-vittma tal-aggressjoni, Sirhan Sirhan, kien ikkundannat għall-qtil ta’ Kennedy – ħu l-President Amerikan John F Kennedy ( li snin qabel kien spiċċa wkoll assassinat, f’Dallas) – li seħħ fil-Lukanda Ambassador ta’ Los Angeles, fil-5 ta’ Ġunju tal-1968.
Robert Kennedy kien miet l-isptar sigħat wara li ntlaqat b’tiri li kienu sparati lejh waqt li kien fil-kċina tal-lukanda — b’Sirhan, fl-1969 jispiċċa kundannat għall-mewt u bis-sentenza, tliet snin wara, tinbidillu għal waħda ta’ ħabs għal għomru.
Intant, Sirhan Sirhan – li llum għandu 75 sena — fi tmiem il-ġimgħa spiċċa aggredit u ferut b’daqqiet ta’ sikkina fil-kumpless tal-ħabs fejn qed jinżamm qrib San Diego, f’Kalifornja. L-awtoritajiet qalu li l-uffiċjali fil-kumpless ‘malajr ġabu s-sitwazzjoni taħt kontroll’ u li l-aggressur ( ħabsi) suspettat dwar l-attakk qed jinżamm iżolat mill-ħabsin l-oħra fir-Richard J Donovan Correctional Facility.
Sirhan Sirhan – Palestinjan b’ċittadinanza Ġordaniża – kien qal li ‘ma jiftakarx li qatel lil Kennedy’ iżda, waqt intervista, ammetta li ‘ħassu tradut għall-fatt li hu ( Robert F. Kennedy) kien appoġġja lil Iżrael’ waqt il-famuża Gwerra tal-1967 fil-Lvant Nofsani.
//= $special ?>