Lokali Transport

Biex wieħed isuq l-E-Scooters irid jibda jħallas liċenzja u insurance…iżda helmet mhux obligatorju

“L-ispazju fit-toroq huwa dak li hu”. Hekk stqarr il-Ministru tat-Trasport Ian Borg dalgħodu waqt li nieda linji gwida għall-E-scooters. Iżda minflok ma jagħti kumpens lil min juża mezzi oħra ta’ trasport sabiex jitnaqqsu l-ammont ta’ karozzi u t-tniġġis fl-arja, il-Gvern qed jara kif ser jdaħħal xi ħaġa tal-flus minn dan il-mezz.

Skont id-dokument preżentat mill-Gvern, persuni li jagħmlu użu mill-E-Scooter iridu jħallsu liċenzja ta’ €25 fis-sena, €11.65 sabiex jirreġistraw il-vettura. Filwaqt li l-operatur irid iħallas €200 bħala ‘Operating Fee’.

Waqt li wieħed ikun qed isuq E-Scooter mal-lejl irid jibda jilbes ġakketta li tidher iżda mhux bilfors jintlibes helmet – xi ħaġa li diġa’ qed tqajjem ħafna domandi.

L-E-Scooters fl-ebda ħin ma jistgħu jinstaqsu f’toroq arterjali u distributorji. Jiġifieri f’irħula fejn wieħed isib biss triq waħda li tgħaqqadhom ma’ rħula oħra, u li hi triq arterjali, wieħed ikun irid idur dawra sħiħa sabiex jasal fid-destinazzjoni li jrid.

L-E-Scooters jistgħu jinstaqu b’veloċità ta’ 10 kilometri fis-siegħa f’zoni pedonali, u massimu ta’ 20 kilometru fit-toroq. 

Dawn il-fatturi kollha ma jagħmlux mill-E-Scooters mezz alternattiv għax wieħed faċilment jaqbad il-karozza privata tiegħu u jasal fid-destinazzjoni li jrid minflok ma jieħu toroq żejda sabiex jasal fejn irid.