Internazzjonali

Boris Johnson: ‘Ma rridx elezzjoni, iżda’…

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson qal li ma jridx idaħħal il-pajjiż f’elezzjoni ġenerali bikrija — iżda mistenni li hu jfittex elezzjoni xorta waħda, fl-14 ta’ Ottubru, f’każ li l-avversarji tiegħu jirnexxu fl-għanijiet tagħhom.

Intant, il-Gvern ta’ Johnson mistenni jressaq mozzjoni biex issir elezzjoni ġenerali fl-14 ta’ Ottubru jekk, għada, jitlef il-vot fil-House of Commons kontra d-deputati li jopponu għal no-deal Brexit.

Fl-istess ħin, Boris Johnson qal li progress mal-Unjoni Ewropea jkun ‘impossibbli’ f’sitwazzjoni fejn il-mozzjoni tintrebaħ mill-avversarji.

Id-deputati Konservattivi ‘ribelli’ qegħdin jissieħbu mad-deputati tal-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni biex iressqu abbozz maħsub biex jevita li r-Renju Unit jitlaq mill-UE mingħajr ftehim fl-aħħar ta’ Ottubru.

F’każ li tgħaddi tagħhom, l-abbozz għandu jġiegħel lill-Prim Ministru Johnson jitlob dawmien għall-proċess li mistenni jibqa’ effettiv sal-31 ta’ Jannar tal-2020.

Meta tkellem barra l-Uffiċċju tiegħu f’Downing Street (Londra), Johnson insista li, bl-appoġġ tad-deputati, hu ikun jista’ jattwa l-bidliet fil-ftehim attwali dwar il-Brexit li kienet innegozjat l-eks Prim Ministru Britanniku, Theresa May, u li kien miċħud tliet darbiet mill-House of Commons.

Johnson qed jittama li jwassal għal dawn il-bidliet fil-ftehim waqt summit tal-Unjoni Ewropea li se jsir fis-17 ta’ Ottubru.

Dan waqt li wissa li f’sitwazzjoni fejn id-deputati jivvutaw biex iwarrbu l-possibbiltà ta’ no-deal, huma jkunu ‘qed ineħħu l-art minn taħt saqajn ir-Renju Unit’, bil-pajjiż jispiċċa żvantaġġjat fin-negozjati ma’ Brussell.